Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti U17 itemm il-Kampjonat Ewropew fil-11-il post b’rebħa kontra Franza

(Ritratt: ASA)

MALTA…………… 13

FRANZA………….. 9

(3-3), (3-2), (2-1), (5-3)

Riżultat ieħor importanti fil-waterpolo lokali hekk kif it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena rebaħ kontra Franza u b’hekk kiseb il-11-il post fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew f’Manisa fit-Turkija. Dan ir-riżultat ikompli jtawwal is-serje impressjonanti miksuba minn diversi timijiet nazzjonali f’dan l-isport.

It-tim Malti kien fi żvantaġġ biss għal nofs minuta fl-ewwel sessjoni u ħa vantaġġ ta’ 2-1 u 3-2 għalkemm il-Franċiżi ġabu d-draw darbtejn. Jayden Cutajar u Sam Engerer taw vantaġġ ta’ 5-3 sakemm Franza wieġbet u rkuprat l-iżvantaġġ. Madankollu kien Zak Cutajar Licari li b’gowl minn sitwazzjoni ta’ superjorità numerika, żamm lit-tim Malti fil-vantaġġ.

Fit-tielet sessjoni, Franza setgħet ħadet ir-riedni tal-logħba iżda falliet serje ta’ man-ups inkluż penalty. Julian Valletta u Elijah Schembri skorjaw f’mumenti kritiċi tas-sessjoni u poġġew lit-tim Malti 8-6 meta kien għad fadal sessjoni.

It-tim ta’ Milan Cirovic aċċerta mir-rebħa sa nofs l-aħħar sessjoni bi tliet gowls ta’ Sam Engerer, Elijah Schembri u Julian Chircop. Il-Franċiżi pruvaw jiftħu t-tamiet li jirkupraw iżda kien tard wisq, b’Engerer jissiġilla r-rebħa minn man-up fl-aħħar minuta.

F’dan il-Kampjonat Ewropew, Malta tilfet 9-7 kontra l-Ġermanja u rebħet 16-7 kontra l-Georgia u 12-8 kontra l-Ukrajna biex temmet Grupp D fit-tieni post. Imbagħad iż-żgħażagħ Maltin offrew sfida kontra l-Italja iżda tilfu 10-7 u tilfu 12-7 kontra t-Turkija biex rebħu l-logħba għall-11 u t-12-il post kontra Franza.

Malta: Z. Dzanovic, S. Engerer (3), J. Valletta (1), G. Bonavia, J. Cassar, D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (1), J. Cutajar (2), E. Schembri (4), J. Chircop (1), L. Dimech (1), E. Mallia, M. Grech

Franza: C. Dervieux, T. Chalinet (1), P. Pourtau Sire (3), A. Mercier-Chaplain, V. Volant, K. Fernandez (2), A. Mehdi, A. de Reviers de Mauny, M. Aissi, L. Barnat, N. Nikolic (2), J. Scorletti (1), I. Fuksa

Referees: Vyacheslav Byelyevtsov (Ukrajna), Grigorios Spanoudis (Greċja)