Lokali

Servizz ġdid ta’ ‘halfway house’ fil-Birgu

Fil-ġimgħat li ġejjin se jissoktaw numru ta’ servizzi li l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl diġà tagħti lill-priġunieri u l-familji tagħhom, kif ukoll se jinħolqu servizzi oħrajn ġodda, fosthom bit-twaqqif ta’ ‘halfway house’ fil-Birgu.

F’din id-dar il-fondazzjoni se tkun qed tilqa’ numru ta’ priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom, sabiex iwettqu programm ta’ riabilitazzjoni u formazzjoni qabel jerġgħu jirritornaw lura fis-soċjetà.

Permezz ta’ dan il-ftehim se jsur investiment ta’ aktar minn miljun ewro sabiex il-fondazzjoni tkun tista’ tiftaħ din id-dar, kif ukoll tkompli tinvesti aktar fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri u tgħin lill-familji tagħhom. Id-dar mistennija tiftaħ il-bibien tagħha u tibda topera minn Novembru li  ġej.

Apparti l-ftuħ ta’ dar ġdida, se ssir l-estensjoni ta’ żewġ servizzi oħra li l-fondazzjoni diġà tagħti, li huma; il-Programm ‘Locked Out’, li jgħin lill-familji tal-priġunieri, u kif ukoll l-immaniġġjar tad-dar għall-familja fil-Marsa, fejn il-priġunieri jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ wliedhom barra l-binja tal-ħabs

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil fisser kif permezz ta’ dan l-investiment ġiet ikkonsolidata l-ħidma tal-fondazzjoni qalb il-priġunieri.

Dan hekk kif se jkunu jistgħu jkomplu bil-proġetti li għandhom li huma sessjonijiet ta’ terapija għall-familji tal-priġunieri li għandhom xi diffikultajiet, jattrezzaw aħjar il-post li għandhom fejn priġunieri jiġu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u se titlesta u se tibda topera r-residenza fil-Birgu bl-isem Dar bla Ħitan.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma qal li dawn il-programmi u inizjattivi huma msejsa sabiex jgħinu ferm aktar il-priġunieri fil-proċess rijabilitattiv tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar sabiex ikun hemm soċjetà li tkun ferm aktar tolleranti.

Dan l-investiment se jservi bħala okkażjoni oħra biex il-persuni li jinsabu l-ħabs ikunu jistgħu jagħmlu dak il-pass ħalli wara li jieħdu s-servizzi rijabilitattivi offruti l-ħabs, ikunu jistgħu jmorru lura fil-komunità aktar riformati.