Lokali

Anzjan jagħmel 3 snin muġugħ jistenna għal operazzjoni biex jispiċċa jitħassar fil-jum tal-appuntament

Anzjan ta’ 62 sena mill-Furjana qatta’ 3 snin muġugħ jistenna li ssirlu operazzjoni tal-hip replacement iżda fil-jum tal-appuntament meta kellha ssirlu din l-operazzjoni, hu ntbagħat lura d-dar bla ebda spjegazzjoni.

Fil-fatt, martu li tkelmet magħna qaltilna li huma marru l-Isptar Mater Dei f’Orthopedic Ward 3 fis-7am iżda dawn marru hemm għalxejn hekk kif għarfuhom li l-operazzjoni mhix se ssir.

Dan kollu wara li l-anzjan kellu jgħaddi minn ħames appuntamenti oħra iżda fl-ebda mument ma ġie mgħarraf li l-operazzjoni tħassret.

Dan filwaqt li minkejja li r-raġel kien qed ikun muġugħ sew, il-każ tiegħu ma tqisx bħala wieħed urġenti.

Meta l-koppja staqsew ir-raġuni għalfejn l-operazzjoni tħassret, huma qalulhom li isem ir-raġel mhux imniżżel fuq il-lista tal-operazzjonijiet filwaqt li ma ngħatawx appuntament ieħor.

Bla dubju ta’ xejn li l-koppja kellha biss tistenna għal appuntament ieħor hekk kif kieku marru fi sptar privat, dan kien se jiswilhom il-mijiet ta’ ewro, liema spejjeż ma jaffordjawhomx.

Il-Professur li tkellem magħhom qalilhom ukoll li dan id-dewmien qed isir hekk kif il-professjonisti qed jingħataw is-sala tal-operazzjonijiet darba f’ġimgħa biss u b’hekk l-appuntamenti qed jaqgħu sew lura.