Fuq proposta tal-Minority Leader u Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Qala Karl Buttigieg, il-Kunsill Lokali tal-Qala talab b’mod uffiċjali lil Robert Abela biex il-Bajja ta’ Ħondoq u z-zona tal-madwar ikunu esproprijati u akkwistati mill-Gvern biex issir zona pubblika.
Il-Kunsill Lokali talab ukoll biex ladarba din l-art tgħaddi f’idejn il-Gvern, għandha tkun irriġenerata f’park pubbliku li jkun jista’ jgawdih kulħadd. Din il-proposta sabet l-appoġġ ukoll tal-Kunsilliera Lokali l-oħra tal-Partit Nazzjonalista Valerie Cassar Mejlak.
B’hekk, il-Kunsill Lokali Laburista tal-Qala qed jaqbel mal-proposta li ilu jimbotta l-Partit Nazzjonalista biex din l-art tkun akkwistata u ssir park nazzjonali. Din il-proposta, li Robert Abela u Clint Camilleri ppruvaw jirredikolawha kemm-il darba, issa sabet l-appoġġ ukoll tas-Sindku u tal-Kunsillieri Lokali kollha tal-Qala, inklużi dawk tal-Labour stess.
Iżda għalkemm f’dawn il-jiem Robert Abela żar il-Bajja ta’ Ħondoq, naqas milli jikkommetti li l-Gvern kien se jesproprija u jakkwista l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u jaghmilha park nazzjonali. Qal biss li, skont il-Manifest Elettorali tal-Labour, hu kien intrabat biss li jassigura li din iz-zona tkun imħarsa u ma tkunx żviluppata.
Sal-lum, l-art kollha ta’ Ħondoq, għajr il-parti fejn hemm ir-ramel u l-moll, hi kollha art privata. Għalhekk, biex qatt ma jkun hemm riskju ta’ xi applikazzjoni għall-iżvilupp oħra f’din iz-zona, hemm bżonn li din l-art tgħaddi f’idejn il-Gvern u ssir art pubblika. U biex nassiguraw li din l-art igawdiha kulħadd, il-Gvern għandu jara li din iz-zona tkun irriġenerata f’park pubbliku.
//= $special ?>