Filwaqt li l-awtoritajiet f’Hawaii għadhom jikkalkulaw il-ħsarat u ċ-ċifri tal-mewt b’kaġun tal-agħar nirien fl-istorja tal-Istat Amerikan, aktar residenti qed jikkuntestaw ir-rwol tas-servizzi għall-emerġenza lokali — fost allegazzjonijiet dwar ‘nuqqasijiet’ li setgħu ssarrfu f’ħajja mitlufa,.
Filwaqt li l-mejtin ikkonfermati min-nirien qabżu l-125, hu konfermat li n-nirien li qabdu qalb foresta ftit tal-jiem ilu qerdu kompletament il-belt ta’ Lahaina….Belt li teħtieġ tinbena mill-ġdid u fejn mifhum li għad fadal ‘aktar katavri’ qalb bini li nħarqu ‘sal-pedamenti’.
In-nirien, fil-parti kbira, jinsabu taħt kontroll u r-residenti ta’ Lahaina u bnadi oħra ta’ Hawaii qed jgħidu li ma ngħataw l-ebda twissija uffiċjali qabel il-fjammi ċirkondaw l-inħawi residenzjali fil-gżira ta’ Maui u qabel huma kellhom jaħarbu għal ħajjithom.
Din is-sitwazzjoni kompliet tqajjem il-mistoqsijiet dwar kemm, fil-fatt, kienu effettivi s-servizzi għall-emergency response u jekk setgħux salvaw uħud fost il-vittmi li kieku r-reazzjoni kienet aktar effiċjenti u professjonali.
Magħruf li fil-gżira ta’ Maui – it-tieni l-akbar gżira fl-arċipelago tal-Hawaii – hemm 80 sistema ta’ sirena intiżi biex iwissu lir-residenti dwar il-potenzjal tad-diżastri potenzjali u li jkunu testjati darba fix-xahar.
Intant, it-tfittxija għall-vittmi f’Lahaina għadha fil-bidu tagħha u għaldaqstant ħadd għadu ma jaf kemm se tkun kbira t-traġedja umana li qed tiżvolġi hemmhekk minn jum għal jum.
//= $special ?>