Lokali

Is-sitwazzjoni fil-Gżira: Persuni jsofru minn ksur fl-għadam u tfal ibatu minn problemi respiratorji

Diversi persuni spiċċaw isofru minn ksur fl-għadam, tfal bdew ibatu mill-asthma u negozji li tilfu ħafna mill-klijenti tagħhom.

Din hi s-sitwazzjoni tal-biża’ li residenti mill-Gżira qed jgħixu ta’ kuljum qalb xeba’ trab u periklu.

Sitwazzjoni li ilhom jgħixu fiha għal dan l-aħħar sena u nofs. Iżda l-awtoritajiet, minkejja l-karba tagħhom, qatt ma tawhom widen.

“Tliet darbiet waqajt u għadni sal-lum muġugħ u għandi xahrejn hekk,” qal resident li jgħix f’din it-triq. “Waqajt għal idejja u qtajt il-ligament minn spalti għal sidri.”

Kien is-Sindku Laburista tal-Gżira stess li organizza protesta fi Triq Manoel de Vilhena, b’għexieren ta’ residenti nġabru f’din l-istess triq biex isemmgħu leħinhom.

“Dawn it-trabijiet kollha. Imissna nistħu. Ilna minn Frar tas-sena l-oħra. Dan mhux sewwa.”

“Kulħadd igerger. Kalvarju kbira għaddejjin bħalissa.”

“Dan huwa każ ta’ nuqqas ta’ pjanar mill-Gvern Laburista.”

“Il-vera kisruna. Il-vera diżunur. Missu jistħi l-Gvern.”

Net News tkellem mas-Sindku Conrad Borg Manche u kien dan li qalilna.

“Dewmien li ma nistax nispjegah. Ilna nistennew snin biex din it-triq inlestuha u hawn inkonvenjent kbir. Il-ġimgħa ġejt indur, iltqajt ma’ mara u qaltli li t-tifla tagħha spiċċat issofri mill-asthma minħabba t-traskuraġni li hawn hawnhekk. Wara dan għidt li ma niflaħx iktar u għidt li hemm bżonn li kulħadd ikun jaf dwar dan.

Ili sew insus wara l-Ministru [Aaron Farrugia] jgħidli li x-xogħol se jitkompla iżda għadda ż-żmien u naħseb li ż-żmien huwa eżawrit u hemm bżonn naraw ir-riżultati.

Il-ġimgħa l-oħra kien riħ kbir, bir-residenti spiċċaw imsakkrin ġewwa magħluqin fis-sħana minħabba dan it-trab kbir li hawn. Huwa inkonvenjent kbir. Ma jistax ikun li dan il-pajjiż jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu. Proġett irid jibda u jispiċċa f’ħin stipulat.”

Din is-sitwazzjoni ilha għaddejja ż-żmien u ħadd ma jaf meta se nerġgħu naraw it-triq għan-normal bħalma kienet qabel. Sadanittant, ir-residenti se jkollhom jibqgħu qalb it-trab mifrux tul it-triq kollha.