Lokali

Jiżdiedu l-appelli għall-għajnuna mingħand il-Caritas

“Il-kokaina u l-ħaxixa huma l-iżjed żewġ sustanzi illeċiti li qed jiġu kkonsmati f’Malta”

Dan sostnieh id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt f’kumment ma Net News, fejn esprima kif il-problema tad-drogi qed tkompli, sfortunatament, tiżdied f’pajjiżna.

Hu għamel enfasi b’mod partikolari fuq il-problema tal-kokaina li hawn f’Malta, u kif hi ta’ impatt kbir għal dawk li jagħmlu użu minnha.

Hu semma kif hemm diversi raġunijiet għala persuna tiddeċiedi tibda tuża l-kokaina, tant li jispiċċaw dipendenti fuqha.

Anthony Borg spjega kif is-sena l-oħra l-Caritas kellhom numru rekord ta’ nies li marru hemm għal għajnuna.

Huwa spjega kif saret iżjed faċli biex wieħed isib u jakkwista l-għajnuna, tant li anke qraba u ħbieb ta’ persuna jistgħu jitolbu għal għajnuna f’isem xi ħadd.

Kompla jgħid kif hija ħaġa ferm pożittiva li hemm iżjed għarfien dwar dawn il-problemi, u li saret iżjed faċli sabiex issib l-għajnuna meħtieġa.

Hu stqarr li jekk xi ħadd ikollu bżonn l-għajnuna jista jċempel il-Caritas u jagħmel appuntament, jew nkella jmur il-Caritas Community Centre f’Blata l-Bajda. Huma jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex min ikollu bżonn l-għajnuna jingħata l-assistenza mill-aktar mod immedjat.