Internazzjonali

L-Arġentina: Suċċess politiku għal estremista u ‘ammiratur ta’ Trump’

Javier Milei, politiku estremista tal-lemin, kiseb l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjonijiet magħrufin bħala primarji u li saru fl-Arġentina fi tmiem il-ġimgħa.

Dawn il-primarji huma barometru għal kif qed jaħsibha l-poplu u l-media Arġentina fissret is-suċċess ta’ Milei – ammiratur tal-eks President Amerikan Donald Trump – bħala theżżiża kbira fil-politika nazzjonali.

F’dawn il-primarji, jieħdu sehem il-kandidati kollha li beħsiebhom jikkuntestaw għall-Presidenza tal-Arġentina u għaldaqstant, dan l-eżerċizzju jitqies bħala indikatur ewlieni ta’ fejn qed iħabbat il-polz tal-pubbliku qabel l-elezzjoni nazzjonali deċiżiva li hi programmata għat-22 ta’ Ottubru.

Sadanittant, Javier Milei, li kiseb reputazzjoni bħala ‘ultra-konservattiv’, issorprenda lil kulħadd wara li rebaħ 30 fil-mija tal-voti f’dawn il-primarji u minkejja li miegħu kienu qed jikkuntestaw diversi politiċi aktar stabbiliti minnu.

Il-President attwali tal-Arġentina hu Alberto Angel Fernandez li ilu jmexxi pajjiżu mill-2019.