Ċempel fuq il-linja 1579 – linja 24/7
M’intix waħdek – ċempel 1770. Li tfittex l-għajnuna huwa l-ewwel pass għal ħajja aħjar, iżda daqskemm huwa importanti li tingħata l-għajnuna, daqshekk ukoll huwa ta’ importanza li tagħti widen lil persuna f’mument ta’ diffikultà.
Sostniet dan Deborah Francalanza mill-Fondazzjoni Richmond ma’ Net News fejn spjegat li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena rċevew ma’ 80 telefonata għal għajnuna b’rabta ma’ saħħa mentali – partikolarment mingħand persuna ta’ età żagħżugħa.
Hija saħqet li l-appelli għal għajnuna jaslu minn kull strata tas-soċjetà u li kulħadd jgħaddi minn mumenti diffiċli fil-ħajja, mumenti li ċertament jkollok bżonn il-wens meħtieġ.
Deborah Francalanza spjegat li kull wieħed u waħda minn fostna xi darba jaf ikollu bżonn l-għajnuna, tal-inqas jiftaħ qalbu ma xi ħadd u dan il-pass mhux wirja ta’ djgħufija iżda ta’ umanità u kuraġġ.
Hija spjegat li sfortunatament fl-aħħar xhur pajjiżna ra żieda fis-suwiċidji…bl-aktar suxxettibbli jkunu rġiel – bir-raġunijiet ikunu varji – b’uħud mill-każi jkunu għaliex ħafna minnhom ma jħossuhomx komdi jiftħu qalbhom.
Mistoqsija minn Net News il-kelliema mill-Fondazzjoni Richmond sostniet li numru ta’ individwi li qed isofru minn sfidi ta’ saħħa mentali jista’ jkun li jfittxu u jaqgħu fil-vizzju ta’ sustanzi illeċiti iżda jaf ikun hemm każi oħrajn li proprju dawn il-vizzji jkunu l-oriġini tal-problemi ta’ saħħa mentali li jkunu għaddejjin minnhom.
Dan filwaqt li spjegat dwar l-importanza li nsibu ħin għal xulxin u nagħtu widen lil dawk qrib tagħna – fosthom anke permezz ta’ first aid course b’rabta ma’ saħħa mentali li qed jingħata proprju mill-Fondazzjoni Richmond.
Għaldaqstant hija temmet tgħid li kull min għaddej minn sitwazzjoni simili għandu kull faċilità sabiex javviċina kemm lil Richmond Foundation fuq in-numru 1770 jew l-Ollichat ukoll mħaddem mill-istess Fondazzjoni – fost diversi għajnuniet oħrajn li preżentament hawn f’pajjiżna.
Dan filwaqt li ħeġġet lill-pubbliku wkoll sabiex kull min għandu bżonn xi tip t’għajnuna b’mod urġenti jkun jista jċempel fuq in-numri 1579 – li tkun miftuħa 24 siegħa, 7 ijiem kuljum.
