Lokali

Madwar 2,000 każ ta’ vjolenza domestika pendenti fil-Qorti; Il-vittmi jkollhom jistennew sena

Għal dawk il-vittmi li qed isofru minn vjolenza domestika jkollhom jistennew mill-inqas sena biex jibda jinstema’ l-każ tagħhom quddiem il-Qorti.

Figuri li nġabru mill-Qorti jikkonfermaw li iktar minn 2,000 każ b’rabta ma’ vjolenza domestika għadhom pendenti fil-Qorti, bil-vittmi jistennew li jibda jinstema’ l-każ tagħhom quddiem waħda minn żewġ maġistrati.

Rapport fuq it-Times of Malta wera li fil-fatt, minkejja dan l-ammont kbir ta’ każijiet pendenti, huma biss żewġ maġistrati li jieħdu ħsieb dawn it-tip ta’ każijiet, b’Lara Lanfranco sa Ġunju kellha 1,342 każ pendenti, b’żieda ta’ 222 f’dan l-istess xahar filwaqt li l-Maġistrat Abigail Critien għandha 617 każ. Il-Maġistrat Critien nħatret biex tieħu ħsieb każijiet ta’ vjolenza domestika f’Marzu li għadda.

Din is-sitwazzjoni qed twassal għal numru ta’ vittmi li qed jispiċċaw iqattgħu x-xhur isofru minn vjolenza domestika minkejja li jkunu għamlu l-kuraġġ u tkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom.

Iż-żieda ta’ Maġistrat waħda saret wara li l-qtil ta’ Bernice Cassar, bl-omm ta’ żewġt itfal kienet talbet l-għajnuna tal-awtoritajiet kemm-il darba, bl-iktar riċenti kienet lejlet l-femiċidju li sar minn żewġha stess.

Rapport ta’ inkjesta li kienet saret mill-Imħallef irtirat, Geoffrey Valenzia kkonkludiet li l-istat falla lil Bernice Cassar minħabba nuqqas ta’ riżorsi li qed jingħataw lill-Qorti b’riżultat li qed il-każijiet pendenti qed jiżdiedu ta’ kuljum.

Minkejja dan ir-rapport, ftit li xejn sar biex il-każijiet tal-vittmi jiġu indirizzati minnufih, b’riskju li pajjiżna jispiċċa jerġa’ jara vittma oħra ta’ vjolenza domestika.