Atletika Sport

Mario Grech u Carmen Hili jirbħu l-BSJ 5k Road Running Series

Brandon Muscat u Giselle Camilleri jirbħu l-aħħar tellieqa

Fl-Imtarfa, Birkirkara St Joseph Sports Club u Corsa organizzaw it-tellieqa finali tas-serje annwali ta’ Road Running fuq distanza ta’ ħames kilometri. Is-serje annwali, mifruxa fuq tlett tlielaq ta’ ħames kilometri, ilha tattira għal bosta snin dilettanti tal-ġiri fit-toroq.

L-aħħar tiġrija tas-Serje, intrebħet minn Brandon Muscat fi 15-il minuta, 53 sekonda meta daħal qabel ir-rebbieħ tas-serje Mario Grech li temm f’ 16-il minuta u 5 sekondi. Tliet sekondi warajh daħal Andrew Grech li kien ġera s-serje kollha. Iż-żewġ atleti ħadu l-Podju tas-serje Overall, flimkien ma’ Joseph Borg.

It-tiġrija tan-nisa ntrebħet mill-atleta veterana Giselle Camilleri li temmet il-korsa f’19-il minuta u 17-il sekonda. Hija kienet segwita minn Francesca Arrigo, li temmet f’ 19-il minuta u 41 sekonda.

Fit-tielet post Carmen Hili f’20 minuta u 2 sekondi fejn hija ħarġet rebbieħa tas-serje ġenerali qabel Marylou Fenech u Christina Sutton.

Trofej lir-rebbieħa tat-Tlielaq u tas-Serje Overall kienu ppreżentati mill-President tal-Club Ray Grech u d-Direttur tal-Corsa Matthew Pace.

L-avvenimenti li jmiss ta’ road running li se jorganizza l-Club se jkunu l-Malta International Challenge Marathon fi tmiem il-ġimgħa tal-24 ta’ Novembru u l-Eurosport Birkirkara Saint Joseph Fleur-de-Lys Road Races fit-13 ta’ Diċembru.