Sqalli ta’ 44 sena nżamm arrestat wara li fil-Qorti ġie akkużat b’pussess u importazzjoni ta’ kokaina.
L-akkużat, Fabio Palumbo li kien jaħdem bħala kaxxier, tressaq il-Qorti t-Tnejn wara li ġie arrestat is-Sibt li għadda meta l-Pulizija kellha suspett ta’ traffikar ta’ droga permezz ta’ trailer.
Is-Sibt filgħodu, il-Pulizija bdiet osservazzjoni fuq il-vettura li fiha kien hemm l-Isqalli ta’ 44 sena. L-akkużat ħareġ mill-vettura b’baskett f’idu u qabad taxi lejn Buġibba. Hemmhekk hu twaqqaf u ġie arrestat.
Fil-baskett nstabu għaxar pakketti li b’kollox jammontaw għal 10 kilos sustanza suspettata droga kokaina.
Fl-istess ħin, il-Pulizija kompliet bl-osservazzjoni fuq żewġ persuni oħra, Taljan u Albaniż, it-tnejn għandhom 40 sena, fejn dawn ġew arrestati ftit tal-ħin wara f’Ħal Qormi.
Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li d-droga misjuba tlaħħaq ‘il fuq minn €1.3 miljun fis-suq.
L-Isqalli m’ammettiex għall-akkużi miġjuba kontrih u nżamm arrestat.
//= $special ?>