Ir-Russja mill-ġdid wettqet mewġa ta’ attakki intensivi fuq l-ibliet tal-Ukrajna u fejn il-missili u d-drones laqtu lill-belt tal-port ta’ Odesa, flimkien mal-ibliet ta’ Kherson u Kharkiv – bl-aħħar bumbardamenti jħallu anki l-vittmi f’belt fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia.
Talanqas ħamsa spiċċaw midruba fl-attakk fuq Odessa li kkaġuna l-ħsarat u n-nirien qalb il-bini taz-zona – u bil-qawwiet tad-difiża Ukreni jinterċettaw numru sinifikanti ta’ missili u drones immirati lejn il-belt.
Fil-fatt, ir-Russi attakkaw lil Odesa tliet darbiet matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn u li fihom spikkaw anki l-attack drones provduti lilhom mill-Iran, minbarra l-missili tat-tip Kalibr li kienu sparati lejn il-belt minn fuq il-baħar.
L-azzjonijiet militari tar-Russja segwew assedju qattiel mill-qawwiet tal-Kremlin fuq ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant. Dan ukoll wara li tarbija li kienet għadha titwieled inqatlet, flimkien ma’ ħuha ta’ 12-il sena u l-ġenituri tagħhom waqt li huma kienu fid-dar tagħhom fil-villaġġ ta’ Shyroka Balka, fir-reġjun ta’ Kherson.
Inqatlu anki żewġ irġiel, b’20 persuna oħra tindarab, waqt attakk simili tar-Russi fuq l-inħawi ta’ Stanislav viċin ħafna ta’ Shyroka Balka. Dan meta r-Russja tidher li qed taħseb mill-ġdid biex tieħu lura s-settur ta’ Kherson lejn il-Punent li ilu minn Novembru taħt il-kontroll tas-suldati Ukreni.
Sadanittant, inqatlu numru mhux ikkonfermat ta’ nies mill-missili tar-Russi li niżlu direttament fuq il-belt ta’ Stepne, fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia…Reġjun li mill-ġdid spiċċa mira għall-qawwiet tal-Kremlin matul is-sigħat bikrin tat-Tnejn.
U f’Kharkiv indarbu diversi ċivili fost bumbardament fuq iz-zoni lejn iċ-ċentru, fost rapporti li l-missili tar-Russi anki qatlu numru mhux determinat ta’ nies fl-inħawi ta’ Donetsk.
Suċċessi militari f’Bakhmut
Sadanittant, l-Ukrajna qalet li t-truppi tagħha ħatfu lura xi territorji madwar il-belt ta’ Bakhmut, lejn il-lvant tal-pajjiż u fejn baqgħu għaddejjin il-battalji ħorox mat-truppi tal-Kremlin.
Il-Viċi-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna, Hanna Maliar, qalet li l-avvanzi u s-suċċessi militari tat-truppi ta’ pajjiżha seħħew b’riżultat tal-fażi attwali tal-kontro-offensiva mill-Armata Ukrena…Kontro-offensiva li ilha għal ġimgħat, bl-Ukreni qed jippruvaw ikeċċu lill-qawwiet Russi mill-ibliet u r-reġjuni (tal-Ukrajna) li ilhom jokkupaw għal dawn ix-xhur.
L-Ukreni huma fiduċjużi minn aktar suċċessi ta’ dan it-tip fost rapporti li t-truppi tal-President Volodymyr Zelensky anki waqqfu l-avvanzi tal-qawwiet Russi f’zoni lejn il-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna,.
Fl-istess ħin, il-Viċi-Ministru Maliar qalet ukoll li r-Russi żiedu l-attività militari f’ Kupyansk u Lyman, lejn il-lvant tal-Ukrajna, bħala reazzjoni għall-kontro-offensiva tal-Ukreni. Dan waqt li l-qawwiet Ukreni, sal-bieraħ, kienu qed jiffaċċjaw reżistenza qawwija fiz-zoni difiżi mir-Russi lejn in-naħa t’isfel tal-Ukrajna.
//= $special ?>

