Il-Pulizija se tkompli tinvestiga x’wasal għall-mewt tat-Tabib Mario Rizzo Naudi. Dan hekk kif il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali li saret dwar dan il-każ, waslu għal iktar mistoqsijiet dwar x’verament wassal biex Rizzo Naudi jitlef ħajtu.
Wara laqgħa ta’ iktar minn sagħtejn li Doriette Rizzo Naudi kellha mal-Pulizija ilbieraħ filgħodu fl-għassa tal-Pulizija fiż-Żejtun, il-Pulizija issa se tkun qed tinvestiga informazzjoni ġdida li ħarġet f’dawn l-aħħar erba’ xhur.
Preżenti fl-għassa taż-Żejtun kien hemm l-Ispettur li mexxa l-investigazzjoni, rappreżentant mill-Aġenzija Victims Support kif ukoll uffiċjali għoli fi ħadn il-Korp tal-Pulizija.
Wara din il-laqgħa, issa kien deċiż li l-Pulizija twettaq iktar investigazzjoni li għandha twassal sabiex jiġu mwieġba numru ta’ mistorqsijiet li baqgħu mhux imwieġba wara li tlestiet l-inkjeseta maġisterjali.
L-istorja kollha tmur lura għall-għodwa tas-Sibt, 25 ta’ Marzu, meta Mario Rizzo Naudi waqa’ minn fuq sellum fil-garage tar-residenza tagħhom. Minn hemm huwa ttieħed permezz ta’ ambulanza fejn kien ġie ċċertifikat li kien ġarrab xi ġrieħi f’rasu.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li waqt li kien qiegħed jingħata kura fin-Neurosurgical Ward ġie ordnat sabiex hu jkollu attenzjoni one-on-one għal 24 siegħa minħabba kumplikazzjonijiet li seta’ jiżviluppa. Iżda wara ħamest’ijiem hu kien ġie rilaxxat mill-isptar.
Madanakollu t-tabib Rizzo Naudi kellu jiddaħħal lura l-isptar jum biss wara – fejn din id-darba jidher li hu ma tteħidx fis-sala li kien fiha qabel iżda f’sala oħra – bil-qraba tiegħu ma jafux jekk kellux l-attenzjoni meħtieġa ….kif ordnata mit-tobba. Tant hu hekk, li sagħtejn biss wara li selmulu u marru d-dar…kelliema mill-Isptar Mater Dei ċemplulhom biex imorru lura b’urġenza.
Hemm bdew joħorġu indikazzjonijiet li t-tabib Mario Rizzo Naudi allegatament waqa’ minn fuq is-sodda tal-isptar, u li allegatament l-istaff preżenti damu ma ndunaw b’dak li seħħ. Minkejja kull tentattiv, it-tobba preżenti sfortunatament ma setgħux isalvawlu ħajtu; u Rizzo Naudi tilef ħajtu wara li qalbu ma felħitx aktar għall-interventi li kienu qed isirulu.
Wara din it-traġedja…. u wara aktar minn 4 xhur ta’ misteri u domandi, il-qraba tat-Tabib Mario Rizzo Naudi għadhom ma jafux x’wassal biex hu waqa’ minn fuq is-sodda u aktar minn hekk ma jafux min kien responsabbli għal dan kollu.
Għall-bidu l-familja Rizzo Naudi ma kinitx ingħatat kopja tal-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali, iżda mbagħad wara bost rapporti mill-media, l-Avukat Ġenerali ċediet għall-pressjoni li saritilha u l-familja ngħatat kopja ta’ din l-Inkjesta.
//= $special ?>