Jamie Farrugia ta’ 24 sena, membru fiż- Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) Birżebbuġa, wettqet il-ħolma tagħha li tattendi l-World Youth Day (WYD) wara snin ta’ antiċipazzjoni. Hija ddeskriviet is-sinifikat li tkun fil-preżenza tal-Papa Franġisku u li tarah għaddej minn quddiemek, kif ukoll l-esperjenzi kondiviżi li rawmu l-għaqda fost il-parteċipanti. Għalkemm m’għamlitx ħafna konnessjonijiet personali li wieħed imdorri jagħmel f’xi Youth Exchange jew f’xi training courses internazzjonali, kien hemm ħafna mumenti żgħar li baqgħu f’qalbha. Mumenti bħal meta familja Brażiljana daret tgħannaqha imbikkma wara li għadda l-Papa. Mumenti ta’ ferħ u enerġija pożittiva hekk kif żifnet u kantat ma’ żgħażagħ oħra. Il-mument ta’ silenzju jidwi, hekk kif miljun u nofs ruħ niżlu għarkupptejhom quddiem l-Ewkaristija f’Campo da Graça.
Naomi Galea, ta’ 19-il sena, membru taż-ŻAK Mosta, spejgat kif hi ukoll għexet l-esperjenza ta’ ġimgħa ta’ ferħ, hena, għaqda u spiritwalità tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Din l-esperjenza kienet ta’ sorpriża kbira għaliha għax kien vjaġġ uniku fejn esprimiet liberament il-fidi tagħha u l-mumenti indimentikabbli ta’ għaqda waqt il-quddiesa tal-ftuħ u kunċert tal-WYD. Il-Ħadd, fl-omelija tiegħu l-Papa emfasizza tlett punti: “iddu, isimgħu u tibżgħux!” Dawn il-kelmiet laqtuha għax huma l-mod ta’ kif tista’ tgħix ħajja libera u ta’ ferħ permezz ta’ Kristu.
Luca Muscat ta’ 17-il sena, ukoll minn ŻAK Mosta, inizjalment xettiku, sab li r-rabta tiegħu ma’ Alla tissaħħaħ u is-saħħa mentali titjieb, speċjalment permezz tal-attività ta’ Triq tas-Salib, jew kif nafuha aħjar bħala l-Via Sagra. Din l-attività kkomparat sitwazzjonijiet moderni li ż-żgħażagħ jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum ma’ kull stazzjon tas-salib. Kull stazzjon kellu tema marbuta miegħu bħalma huma s-solitudni, is-suwiċidju, eating disorders, l-ambjent u ħafna aktar. Din l-attività urietu kif il-Knisja Kattolika mhux mwaħla fil-passat, imma qed tevolvi kontinwament u tadatta skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà.
L-istejjer ta’ Naomi, Luca u Jamie iservu bħala xhieda tal-qawwa trasformattiva tal-fidi, l-għaqda, u l-ispirazzjoni li l-avveniment qabbad fil-qlub ta’ dawk iż-żgħażagħ li attendew.
//= $special ?>