Mietu talanqas 40 – b’għexieren jisfaw midruba – fi splużjoni li qerdet stazzjon tal-petrol fir-reġjun ta’ Dagestan, lejn in-naħa t’isfel tar-Russja.
Is-sit tat-traġedja jinsab f’ Makhachkala, il-kapitali tar-reġjun li jmiss mal-kosta tal-Baħar Kaspjan u fejn l-awtoritajiet ikkonfermaw li hemm talanqas tlett itfal fost il-mejtin.
Il-media lokali qed tgħid li l-isplużjoni kienet dovuta għal nar li qabad f’ċentru għat-tiswijiet tal-karozzi viċin l-istazzjon tal-petrol – bil-fjammi, imbagħad, jinfirxu lejn bnadi oħra.
Iċ-ċirkustanzi wasslu biex l-awtoritajiet jiddikjaraw stat ta’ emerġenza fid-distrett ta’ Dagestan fejn seħħet l-isplużjoni – bil-President Russu Vladimir Putin joffri l-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi.
Intant, madwar 300 membru tas-servizzi għall-emerġenzi marru fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni waqt li numru sinifikanti ta’ nies li ġarrbu l-ħruq gravi spiċċaw evakwati bil-mezzi tal-ajru lejn l-isptarijiet ta’ Moska. L-iskwadri għall-emerġenzi bħalissa qed ifittxu qalb il-fdalijiet tal-bini li nqerdu min-nirien u fejn mistenni li jinstabu aktar katavri.
//= $special ?>