Lokali

Isir il-pellegrinaġġ bil-muturi mill-Imġarr sa Ħad-Dingli f’Jum l-Assunta

Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr dalgħodu organizzaw is-sitt edizzjoni tal-Pellegrinaġġ bil-Muturi f’jum il-festa ta’ Santa Marija. Dawn huma żewġ parroċċi dedikati lil Santa Marija li iżda jiċċelebraw il-festa titulari Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu.  Għalhekk ittieħdet l-inizjattiva li llum, is-solennità tat-tlugħ fis-sema tal-Madonna, tiġi organizzata din l-attività li tgħaqqad flimkien sewwieqa ta’ muturi  li jsuqu f’pellegrinaġġ wara x-xbieha ta’ Santa Marija.

Il-pellegrinaġġ beda minn fuq iz-zuntier tal-Imġarr, bis-sehem ta’ għexieren ta’ sewwieqa ta’ muturi li segwew rotta li għaddiet minn diversi lokalitajiet biex siegħa wara waslu fil-pjazza ta’ Ħad-Dingli.  Tul it-triq huma segwew vann li kellu x-xbihat tal-vari titulari taż-żewġ parroċċi. Il-vann instaq mill-Kappillan tal-Imġarr, Dun George Schembri.  Għall-ewwel darba, nofs triq il-pellegrinaġġ għamel waqfa quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi fejn l-Arċipriet ta’ din il-parroċċa, il-Kanonku Ewkarist Zammit, mexxa mument qasir ta’ talb.

Iż-żewġ parroċċi fittxew li din l-attivita’ jerġa’ jkollha skop ta’ karita’.  Is-sewwieqa tal-muturi kienu mistiedna jagħtu donazzjoni b’riżq il-ħidma mwettqa mis-Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt.  Is-somma miġbura dalgħodu mis-sewwieqa kienet ta’ €540.

Fi tmiem il-pellegrinaġġ, ħdejn il-Knisja ta’ Ħad-Dingli, l-Arċipriet ta’ Ħad-Dingli, il-Kanonku David Farrugia bierek lis-sewwieqa tal-muturi.  Is-sewwieqa ngħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u tifkira tal-okkażjoni.

Din l-attivita’ għaqqdet flimkien mument ta’ talb u radd il-ħajr lill-Madonna, ġest ta’ solidarjeta’, u għodwa pjaċevoli għas-sewwieqa tal-muturi li ħadu sehem.  Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr iroddu ħajr lit-Taqsima tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija għall-assistenza li ngħatat tul it-triq. 

Intant din l-inizjattiva mhix l-unika ġest ta’ solidarjetaà li qed jittieħed miż-żewġ parroċċi f’dan iż-żmien tal-festa ta’ Santa Marija.  Il-Ħadd li għadda f’Ħad-Dingli u llum fl-Imġarr, il-parroċċi kkollaboraw maċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm biex f’dawn il-lokalitajiet kien hemm iċ-ċans li l-pubbliku jagħti d-demm.