Internazzjonali Lokali

Jerġa’ jibda jopera l-Ajruport ta’ Katanja.. bosta rrabjati għall-mod kif kienu trattati mill-Air Malta

Dalgħodu għall-ħabta tas-sitta reġa’ beda jopera l-ajruport ta’ Katanja. Dan wara li t-Tnejn filgħodu l-ajruporti ta’ Katanja  u Comiso temporanjament waqfu t-titjiriet tagħhom minħabba rmied vulkaniku kawża ta’ żbroff mill-vulkan Etna.

Azzjoni li affettwat lil numru kbira ta’ turisti fosthom Maltin li kienu jinsabu Sqallija jqattgħu l-vaganzi tagħhom hemmhekk.

Kienu bosta l-Maltin li tkellmu dwar il-mod inaċċettabbli kif kienu trattati mill-Air Malta wara li nqabdu Katanja minħabba li twaqqfu t-titjiriet fostom tlieta minn u lejn Malta.

Ritratt: Ansa.it

Persuni li bħalissa jinsabu Katanja tkellmu ma’ Net News fejn spjegawlna kif huma suppost kellhom jirritornaw Malta permezz ta’ titjira tal-Air Malta li kienet se titlaq fil-11.30 tat-Tnejn filgħaxija. Iżda, ovvjament, minħabba li l-ajruport kien magħluq, din it-titjira kellha titħassar.

Meta waslu l-Ajruport qalulhom sabiex jistennew sakemm jingaħtaw xi informazzjoni dwar x’se jiġri. Pruvaw jagħmlu kuntatt mal-linja tal-ajru ta’ pajjiżna, l-Air Malta iżda ma kien ebda rappreżentant li seta’ jgħinhom.

Pruvaw ukoll iċemplu lill-Air Malta iżda ma kellhom ebda tweġiba… ħlief messaġġ rekordjat jgħarrafhom li l-uffiċini tal-Air Malta kienu magħluqin.

Mill-11 ta’ bil-lejl sa-5am dawn il-Maltin kienu għadhom fl-Ajruport ta’ Katanja jistennew biex tingħatalhom xi tip ta’ informazzjoni ta’ meta se jkunu jistgħu jirritornaw Malta.

Huwa saħqu li kuntrarjament għall-impressjoni li pruvat tagħti l-Air Malta, sakemm kienu qed jistennew qatt ma ngħataw xejn lanqas flixkun ilma. Bil-maġġoranza tagħhom kellhom ipoġġu mal-art għal dawn is-sigħat kollha.

L-għeluq tal-ajruport ta’ Katanja ġie ftit jiem biss wara li reġa’ beda jaħdem bi sħih wara li ngħalaq kawża tan-nirien kbar fil-bini tat-terminal f’nofs Lulju li għadda.