Internazzjonali

L-Alġerija: Iwaqqfu l-wiri ta’ Barbie minħabba li l-film ‘mhux konformi mal-valuri tal-poplu’

It-Tmexxija fl-Alġerija projbiet il-film popolari Barbie milli jkompli jintwera fis-swali taċ-ċinema – bid-deċiżjoni tittieħed tlett ġimgħat wara li l-produzzjoni ta’ Hollywood, li kisret ir-rekords kollha tal-box office – ħarġet għall-wiri f’dan il-pajjiż Afrikan fejn il-maġġoranza tal-poplu huma Musulmani.

Il-Ministeru Alġerin għall-Kultura talab lis-sidien taċ-ċinema biex jirtiraw il-film immedjatament, bl-uffiċjali f’Alġeri jsostnu li l-produzzjoni ta’ Barbie qed tippromwovi r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess u li għaldaqstant mhux konformi mat-twemmin reliġjuż u kulturali tal-Alġerini.

U għalkemm is-swali taċ-ċinema fl-ibliet ta’ Alġeri u Oran kienu wkoll, għal żmien, simboli tal-‘Barbiemania’, l-awtoritajiet Alġerini jidhru li ħaduha l-aktar kontra l-produzzjoni mill-aspett ta’ moralità u valuri soċjali.

Dan wara li l-Kuwajt ukoll ipprojbixxa dan il-film bħala miżura tal-awtoritajiet biex, allegatament, jipproteġu l-etika pubblika f’pajjiżhom.