Festi Knisja Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna jitkellem dwar il-valur tal-ħajja fil-pontifikal ta’ Santa Marija

F’ċelebrazzjoni li saret fil-Bażilika tal-Mosta, Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna rrepeta b’mod frekwenti l-frażi “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” – frażi li tenfasizza l-importanza ta’ Marija fi ħdan il-knisja kattolika.

L-Arċisqof semma kif Marija hi l-omm… l-ewwel frott tas-salvazzjoni għal binha fil-ġisem tagħha li jmut. Semma kif hi ġiet salvata mid-destin tagħha, tant ukoll li ġiet mħarsa minn kull teba’ ta’ dnub.

Huwa tenna l-importanti li tiġi protetta u salvata kull ħajja, filwaqt li wieħed għandu jħalli dinja aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Arċisqof għamel referenza għal-istorja ta’ meta l-Appostli raw il-qabar vojt ta’ Marija, u kienu xhud ta’ rebħa fuq il-mewt.

Charles Scicluna rrefera għall-parabbola tat-tieġ ta’ Kana, parabbola li turi verament kif Marija kienet ir-reġina u l-qaddeja tal-Appostli, hekk kif bil-fiduċja li Marija kellha f’binha, id-dixxipli raw il-glorja tal-Mulej u emmnu fih.

Semma kif minkejja l-oqbra ta’ Marija u tal-Mulej huma vojta, l-oqbra tagħna huma ż-żerriegħa tal-glorja tal-ġenna jekk nemmnu fil-qawma mill-imwiet.

L-Arċisqof qal li l-ħajja ta’ kulħadd hi prezzjuża u għalhekk hemm bżonn li kull jum jitgawda billi jkun jum ta’ imħabba, servizz u ħajja.

Preżenti għal dan il-Pontifikal kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat miss-Sinjura Anne-Marie Grech, flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Preżenti wkoll kien hemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia u deputati miż-żewġ naħat tal-kamra.

Fil-15 ta’ Awwissu din il-festa tal-Assunta tiġi ċċelebrata fl-irħula tal-Qrendi, l-Imqabba, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat Għawdex. Magħhom f’dan il-jum jingħaqdu l-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien u l-Knisja tas-Samra fil-Ħamrun, it-tlieta dedikati lil Santa Marija, li normalment jfakkru l-15 t’Awwissu b’funzjonijiet liturġiċi fl-istess knejjes.

Ma’ dawn imbagħad il-Ħadd li ġej jiġu ċċelebrati l-Festi ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ Għawdex, apparti numru ta’ kappelli ddedikati lil Marija Assunta f’Ħax-Xluq is-Siġġiewi u f’Tal-Ħlas Ħal Qormi, fost l-oħrajn.