Internazzjonali

L-Ukrajna: Aktar ċivili maqtula taħt xita ta’ missili

A stuffed toy sits in the remains of a playground in the heavily damaged Saltivka suburb of Kherson, Ukraine, on Sept. 22. Vincent Haiges photos for Foreign Policy

Il-qawwiet tar-Russja, bħalissa, għaddejjin b’mewġa regolari ta’ attakki sistematiċi fuq l-ibliet u – b’mod partikulari — iz-zoni residenzjali fl-Ukrajna. Dan ukoll meta xita ġdida ta’ missili fl-aħħar sigħat qatlet u feriet numru ta’ ċivili minbarra li qerdet l-infrastruttura neċessarja għall-ħajja ta’ kuljum.

Il-baraxx – parti mill-‘gwerra ta’ terrur’ kontra l-poplu Ukren – kellu jseħħ sigħat qabel l-ogħla kapijiet militari tar-Russja u tal-Belarus, flimkien ma’ kapijiet militari oħrajn mill-Asja, il-Lvant Nofsani u l-Afrika, issieħbu f’konferenza dwar is-sigurtà fil-limiti ta’ Moska….Konferenza li kienet iddominata mill-iżviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna li dalwaqt tagħlaq 18-il xahar.

Sadanittant, il-militar Ukren qal li r-Russja, fl-aħħar sigħat, sparat talanqas 30 missila ‘cruise’ lejn l-ibliet tal-Ukrajna u li l-maġġoranza tagħhom kienu interċettati. Madankollu numru minn dawn il-missili ħolqu straġi f’numru ta’ komunitajiet u fejn irriżultaw numru mhux determinat ta’ mejtin u midruba.

Il-Gvern Ukren u osservaturi barranin ikkundannaw bla riservi l-attakki bla heda ‘u bla skrupli’ fuq iċ-ċivili Ukreni. Huma qablu li din it-tattika hi intiża biex tiddemoralizza lill-poplu tal-Ukrajna u li l-aħħar xita ta’ missili kienet ‘prova tal-attivitajiet terroristiċi tar-Russja li qed jirriżultaw f’dejjem aktar vittmi innoċenti.’

Fl-aħħar sigħat, indarbu madwar 20 fil-belt ta’ Lviv li ntlaqtet minn diversi missili tar-Russi u b’madwar 40 residenza jġarrbu l-ħsarat. Kien hemm ukoll ħsarat fl-infrastruttura tad-dawl f’din il-belt li tinsab 70 kilometru biss ‘il bogħod mill-fruntiera Ukrena mal-Polonja.

Sadanittant, kienu rappurtati aktar vittmi fir-reġjun ta’ Volyn li wkoll spiċċa mira għall-militar Russu — bl-attakki tal-Kremlin jolqtu anki lir-reġjuni ta’ Dnipropetrovsk u Ivano-Frankivsk fejn irriżultaw diversi midruba.

L-aħħar rapporti mir-reġjun ta’ Zaporizhzhia, imbagħad, qalu li missila tar-Russi laqtet stadium li jifforma parti minn skola fost il-ħsarat fl-inħawi u fejn numru ta’ djar flimkien ma’ kumpless tal-kindergarten ukoll ġarrbu l-qilla tal-isplużjonijiet.

Rapport ieħor  irrefera għal attakk tar-Russi bir-rokits fuq maħżen għall-oġġetti tal-merċa fil-belt ta’ Kramatorsk li jinsab fir-reġjun ta’ Donetsk ( lejn il-lvant tal-Ukrajna) u li wkoll ħalla l-vittmi.

Dan kollu qed jinkwadra fi ‘programm ta’ attakki’mill-qawwiet tal-Kremlin li mistenni jispikka anki matul il-jiem li jmiss – bl-aħħar attakki jseħħu anqas minn 24 siegħa wara li l-qawwiet Russi kienu attakkaw ir-reġjun ta’ Odesa bil-missili u drones.

Ir-reġjun ta’ Odesa jidher li qed jattira l-aktar qilla mill-Kremlin, bil-qawwiet Russi jeqirdu l-faċilitajiet għat-trasport tal-qmuħ flimkien ma’ diversi siti storiċi fl-inħawi.