Festi Lokali

Pajjiżna jiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija

Ritratt: Matthew Tabone

Il-15 ta’ Awwissu hija festa ferm importanti għal qalb il-Maltin… festa li tiċċelebra t-tlugħ ta’ Marija fis-sema… festa li tgħaqqad il-tradizzjonijiet reliġjuż ma’ dawk storiċi, filwaqt illi timmarka l-qofol tas-sajf Malti. Sajf li jkun ikkratterizzat mill-briju u l-ferħ li jġibu magħhom it-tradizzjonijiet tal-festi Maltin u Għawdxin.

Din il-festa tal-Assunta tiġi ċċelebrata fl-irħula tal-Qrendi, l-Imqabba, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat Għawdex. Magħhom f’dan il-jum jingħaqdu l-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien u l-Knisja tas-Samra fil-Ħamrun, it-tlieta dedikati lil Santa Marija, li normalment jfakkru l-15 t’Awwissu b’funzjonijiet liturġiċi fl-istess knejjes.

Ma’ dawn imbagħad il-Ħadd li ġej jiġu ċċelebrati l-Festi ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ Għawdex, apparti numru ta’ kappelli ddedikati lil Marija Assunta f’Ħax-Xluq is-Siġġiewi u f’Tal-Ħlas Ħal Qormi, fost l-oħrajn.