Lokali

Qed jiġu diġitizzati madwar 15,000 pjanta storika tas-servizzi tal-ilma

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Heritage Malta, qed tiġi diġitizzata kollezzjoni ta’ aktar minn 15,000 pjanta storika tas-servizzi tal-ilma lokali.

Dawn il-pjanti, li jmorru lura aktar minn seklu, juru s-sistemi tal-kanen, stazzjonijiet tal-ippumpjar tal-ilma, kif ukoll xogħlijiet pubbliċi u ppjanar f’Malta u f’Għawdex.

Il-proġett qed jitwettaq mit-Taqsima tat-Teknoloġija u l-Iżvilupp tal-Esperjenza fi ħdan Heritage Malta. Meta l-proġett jitlesta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jkollha aċċess diġitali għall-informazzjoni, li hija kruċjali għall-operat tagħha. Barra minn hekk, se tiżdied il-ħeffa tar-riċerka b’aċċess fil-pront għall-arkivji, filwaqt li tonqos il-possibbiltà li ssir ħsara lill-pjanti oriġinali, li huma pjuttost fraġli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, tkellem dwar il-benefiċċji kbar permezz tal-użu tal-aħħar teknoloġija fuq l-artifatti storiċi. Huwa qal li bħala l-aġenzija responsabbli mill-preservazzjoni tal-wirt kulturali u bħala l-aggregatur nazzjonali għad-data dwar il-wirt kulturali nazzjonali, Heritage Malta tinvesti kontinwament fid-diġitizzazzjoni biex tiżgura li tkun mgħammra bir-riżorsi meħtieġa biex tiddiġitizza l-akbar firxa possibbli mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, qal, “Il-kollezzjoni diversa tal-Korporazzjoni għandha valur u sinifikat storiku u tinkludi tpinġijiet mil-lat arkitettoniku, pjanti u bosta dokumenti antiki li sibna matul ir-riċerka għall-pubblikazzjoni tal-ktieb, ‘8000 Years of Water’.

Id-diġitizzazzjoni ta’ dawn l-artifatti tmur oltre sempliċiment l-iskop ta’ preservazzjoni, iżda se nkunu qed nonoraw il-wirt li għandna – kemm dak arkitettoniku u kemm dak tal-ilma – u b’hekk niżguraw l-aċċessibbiltà u l-ispirazzjoni ta’ dan il-wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri”.