Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Spanja fil-finali b’gowl fl-aħħar ħinijiet

Semi-finali:

SPANJA……2
ŻVEZJA…….1
Semi finali mill-isbaħ bil-qofol fl-aħħar għaxar minuti tal-partita li matulhom ġew skorjati tlett gowls. Semi finali li permezz tagħha Spanja saru l-ewwel tim finalist fit-Tazza tad-Dinja.

Minkejja li matul l-ewwel taqsima Spanja kienu aktar fil-partita f’mumenti b’madwar 66 fil-mija pussess, id-difiża ta’ Żvezja b’xi mod żammet l-iskor intatt b’Zecira Musovic rari tkun impenjata. Fit-43 minuta fuq kontrattakk kienet Catalina Coll li salvat xutt ta’ Fridolina Rolfoe .

Matul it-tieni taqsima aktar logħob dirett minkejja li Spanja kellha tistenna sal 81 minuta biex tiftaħ l-iskor permezz ta’ Salma Paralluelo. Gowl konvalidat bil-VAR mir-referee Edina Alves Batista. Reazzjoni immedjata minn Żvezja li fit-88 minuta kisbet il-gowl tad-draw. Minn azzjoni ta’ Lina Hurtig kienet Rebecka Blomqvist li għelbet lil Catalina Coll. Bil-partita destinatha għal ħin barrani, fid-90 minuta minn pass ta’ Teresa Abelleira kienet Olga Carmona li għelbet lil Zecira Musovic għal rebħa drammatika u post fil-finali.