Erba’ uffiċjali tal-Pulizija ġew sospiżi hekk kif qed ikunu allegati li bagħbsu l-kilometri ta’ karozzi importati mill-Ġappun lejn pajjiżna.
Dan ġie żvelat mit-Times of Malta madwar għaxart ijiem wara li ġew sospiżi. Huma se jkunu qed jaffaċjaw akkużi li neħħew l-eluf ta’ kilometri minn fuq karozzi second-hand.
Dan l-iskandlu, li jmur lura għall-2019, kien ħareġ fil-beraħ daqs sena ilu meta żewġ negozjanti tal-karozzi ġew akkużati bi tbagħbis tal-ammont ta’ kilometri li l-karozzi jkollhom. Transport Malta kienet irċiviet mill-inqas 300 rapport ta’ suspett li l-apparat li juri l-kilometri li għamlet il-vettura ma kienx qed juri l-vera ammont li għamlet.
Mijiet ta’ persuni sfaw vittmi ta’ dan il-frodi, bil-mileage tal-karozza juri inqas milli fil-verità kellu. Fil-fatt, id-diskrepanza ta’ dawn il-vetturi kienet tvarja bejn 30,000 kilometru sa 130,000 kilometru.
Mhux magħruf jekk l-uffiċjali tal-Pulizija naqqsux milli jagħmlu xogħolhom sew jew inkella kellhom involviment ikbar f’dan il-frodi. L-irwol tal-Pulizija f’dan il-każ huwa li la darba jaslu vetturi minn barra l-Unjoni Ewropea, dawn jiġu spezzjonati u jirraportaw il-mileage ta’ kull vettura fuq formola li tingħata lil Transport Malta.