Ekonomija Internazzjonali

FIR-RENJU UNIT: Reġistrat tnaqqis fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti

Filwaqt li diversi pajjiżi bħal Malta u l-Italja għadhom qed jesperjenzaw żieda enormi fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali, mhux l-istess jista’ jingħad għar-Renju Unit fejn l-aħħar statistika uriet kif naqset sew ir-rata tal-inflazzjoni – tnaqqis li kien rifless tar-roħs li kien hemm f’ċertu prezzijiet, bħal dawk tal-ħobż, il-ħalib, il-ġobon, kif ukoll il-petrol u d-diesel.

Skont l-Uffiċċju tal-Istatistika fir-Renju Unit, l-inflazzjoni għax-xahar ta’ Lulju niżlet sew. Għalkemm ċertu prezzijiet marbuta mal-lukandi u l-vjaġġi bl-ajru baqgħu għoljin ferm.

Fl-aħħar xhur, il-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak għamilha waħda mill-wegħdiet ewlenin tiegħu li jindirizza l-pjaga tal-għoli tal-ħajja. U insista li jekk din il-mira ma tintlaħaqx, kien se jerfaha hu personalment.

Iċ-ċifri ta’ Lulju qed juru li issa l-Ingliżi marru lura għas-sitwazzjoni kif kienet qabel l-invażjoni tar-Russja. Għalkemm il-verità hi li l-prezzijiet – inkluż f’Malta – bdew tilgħin ‘il fuq ferm qabel il-gwerra tal-Ukrajna.

Intant, skont iċ-ċifri uffiċjali, jidher ċar kif fir-Renju Unit il-pagi komplew jiżdiedu xahar wara l-ieħor. U r-rata ta’ kif żdiedu s-salarji qabżet sew ir-rata tal-inflazzjoni.

Wara li ħarġu l-aħħar ċifri tal-għoli tal-ħajja, il-Kancillier Jeremy Hunt – responsabbli mill-Finanzi – stqarr illi l-azzjonijiet decizivi meħuda mill-Gvern Ingliż diġa’ qed iħallu r-riżultati. Filwaqt illi minn naħa l-oħra quddiem dawn ir-riżultati pożittivi il-Labour Ingliż qed jibqa’ jikkritika u jinterpreta ċ-ċifri bil-mod tiegħu.