Tkompli tikber it-tensjoni fil-Libja fejn matul il-lejl li għadda żewġ gruppi armati fil-kapitali Libjana ta’ Tripli qatlu 27 persuna u darbu 106.
Il-ġlied issokta bejn il-Brigata 444 u l-Al-Radaa hekk kif dawn żewġ gruppi ilhom jiġġieldu għall-poter mill-qtil tad-dittatur Muammar Gaddafi fl-2011.
Il-ġlied seħħ nhar it-Tnejn filgħaxija, u baqa’ għaddej sa sbieħ l-Erbgħa filgħodu.
B’kollox ġew evakwati 234 familja minn zoni fin-nofsinhar tal-kapitali, flimkien ma’ għexieren ta’ tobba u paramediċi li nqabdu fil-ġlied waqt li kienu qed jieħdu ħsieb il-midruba.
Tliet sptarijiet fil-post u madwar 60 ambulanza kienu skjerati fiz-zona meta beda l-ġlied, illi faqqa’ meta ġie arrestat il-kap tal-Brigata 444, il-Kurunell Mahmud Hamza, mir-rivali Al-Radaa.
Tard it-Tlieta, tlaqqa’ b’urġenza il-Kunsill ta’ Soug el-Joumaa, tal-forza Al-Radaa, fejn tħabbar li ntlaħaq ftehim mal-Prim Ministru Libjan sabiex Hamza jingħata lil persuni li m’għandhom x’jaqsmu xejn maż-żewġ naħat rivali.
F’komunikat fuq it-televiżjoni, il-Kunsill tal-Al-Radaa qal li l-waqfien mill-ġlied se jsegwi t-trasferiment tal-kmandant tagħhom, u tard it-Tlieta filgħaxija il-ġlied naqas. Pero matul il-lejl il-ġlied reġa’ intensifika tant li iz-zona ta’ Ain Zara esperjenzat wieħed mil-aktar konfronti imdemmija – ġlied li din iz-zona ilha ma tara għal żmien twil, sa mill-waqgħa tal-Gvern ta’ Muammar Gaddafi.
Kawża tal-ġlied l-uniku ajruport tal-kapitali Libjana, Mitiga, li jinsab f’zona taħt il-kontroll ta’ Al-Radaa, baqa’ magħluq għal titjiriet kummerċjali. It-titjiriet kienu qed jiġu devjati lejn Misrata.
//= $special ?>