Lokali

“Il-Gvern qatt ma ħa azzjoni” dwar il-problemi tas-Swieqi

Apparti l-problema tremenda tal-iskart li hemm fis-Swieqi, diversi residenti qegħdin jesprimu r-rabja tagħhom rigward l-istorbju enormi li qed ikun hemm f’ċertu żoni residenzjali ta’ din il-lokalita.

Dawn ir-residenti qegħdin isostnu li hemm żgħażagħ li qegħdin jikru apartamenti sħaħ fis-Swieqi, u b’hekk qed ikun hemm ħafna stobju f’dawn iż-żoni residenzjali.

In-nies tas-Swieqi li tkellmu ma’ Net News qalulna li hemm ħafna studenti li juru rispett lejn ir-residenti u li anke jintegraw fil-lokal. Iżda hemm gruppi oħrajn ta’ barranin li qed jispiċċaw jagħmlu l-parties f’dawn l-apartamenti sa kmieni filgħodu.

Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat tkellem ma’ Net News u insista li l-Gvern qatt ma ħa azzjoni dwar il-problemi li hemm fis-Swieqi; problemi li lanqas il-Kunsill ma jista’ jaħdem fuqhom minħabba li i-Gvern naqqas il-poteri li għandhom il-kunsilli. Hu saħaq li din il-kwistjoni kollha hi tort tal-Gvern ċentrali kif ukoll tal-Awtorita tat-Turiżmu.

Apparti minn hekk, hemm ukoll kwistjonijiet oħrajn bħal dik tal-iskart li spiċċat kważi kriżi sinonima mat-toroq kollha tas-Swieqi.

Noel Muscat minn naħa tiegħu qalilna illi l-problema tal-istorbju ilha teżisti, iżda kompliet tigrava matul is-snin, u mistennija tiggrava aktar hekk kif qegħdin jinbnew 114-il apartament ġdid… u ser jiżdiedu madwar 300 spazju għall-karozzi.

Hu sostna li l-Kunsill spiċċa mar għand l-Ombudsman rigward din il-problema wara li l-Gvern m’għenhomx. L-Ombudsman fil-fatt fetah każ rigward ħanut partikolari li jibqa’ miftuħ il-ħin kollu, filwaqt li għamel kuntatt mal-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi… illi minn naħa tagħhom sostnew li huma ma jistgħu jagħmlu xejn fuq din is-sitwazzjoni.

Is-Sindku stess bagħat diversi emails lil awtoritajiet differenti; iżda dan kien kollu għalxejn.

Anke l-problema tal-iskart baqgħet ma ġietx indirizzata.

Fuq kumment fuq Facebook, resident mis-Swieqi ukoll spjega illi hu bagħat email lill-awtoritajiet rispettivi, fejn kompla jitfa’ dawl fuq il-problemi li qegħdin jaffaċċjaw ir-residenti. Hu talab sabiex ikun hemm Pulizija jagħmlu r-rondi fiz-zona, speċjalment fil-ħinijiet meta jkun hemm l-izjed nies taħt l-effett tal-alkoħol.