Lokali

Imut Joseph Tabone, eks Chairman tal-Air Malta u tal-BOV

Joseph N. Tabone, Eks Chairman tal-Air Malta u tal-Bank of Valletta, miet tard ilbieraħ fl-età ta’ 92 sena.

Tabone, imwieled fir-Rabat, Għawdex, beda l-karriera tiegħu bħala accountant u fl-1987 inħatar Chairman tal-Bank of Valletta.

Ħames snin wara, fl-1992, hu nħatar Chairman tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, kariga li baqa’ jokkupa sal-1996, meta ħalla l-Air Malta biex waqqaf il-kumpanija privata tiegħu, Citadel Insurance.

Fis-snin tmenin Joseph Tabone serva f’karigi oħrajn, fosthom President tal-Kamra tal-Kummerċ u President tal-Istitut Malti tal-Accountants u membru fil-Kunsill tal-Federazzjoni tal-Industriji. Lura fis-snin sittin kellu sehem ukoll fir-Rediffusion, fejn għal xi żmien okkupa l-kariga ta’ direttur maniġerjali.

Fil-karigi kollha li okkupa matul is-snin Tabone baqa’ mfakkar għas-serjetà, il-professjonalità u l-onestà tiegħu fit-tmexxija.