L-Editorjal ta’ The Malta Independent ħareġ jikkritika s-sitwazzjoni li r-residenti tal-Gżira tħallew fiha għal mill-inqas sena u nofs, qalb xeba’ trab u ħmieġ.
Tul il-kitba kollha, l-Editorjal jistaqsi min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ problemi ta’ saħħa. Dan hekk kif minħabba li Triq Manoel De Vilhena ilha fi stat diżastruż għal xhur sħaħ, diversi persuni spiċċaw ibatu mill-asthma, b’oħrajn saħansitra sofrew minn ksur fl-għadam minħabba t-taqlib li hemm.
Is-sitwazzjoni tant spiċċat inkontrollabbli li r-residenti niżlu jipprotestaw dwar dan sabiex l-awtoritajiet konċernati jieħdu azzjoni minnufih; protesta li ġiet organizzata mis-Sindku Laburista stess, Conrad Borg Manche wara li l-Ministru Aaron Farrugia injora t-talbiet tiegħu.
Minkejja dawn ix-xhur kollha ta’ triq mgħaqluha, id-Dipartiment responsabbli mix-xogħolijiet tat-toroq qal li x-xogħol waqaf minħabba l-festa tal-Gżira, bl-Editorjal spiċċa jirredikola dan.
Il-ġurnal ifakkar li meta jibdew xogħolijiet b’zoni residenzjali jeħtieġ li jkun hemm żmien stipulat għal meta għandu jitlesta sabiex ix-xogħol ikun lest kemm jista’ jkun malajr u jaffetwa bl-inqas mod lir-residenti.