Il-Ħamis filgħaxija tintlagħab it-tieni leg tat-tielet rawnd tal-Europa Conference League.
Fil-Groupama Arena f’Budapest, Ferencvaros tal-Ungerija jilagħbu kontra Ħamrun Spartans wara li f’Ta’ Qali l-Ungeriżi rebħu bl-iskor kbir ta’ 6-1.
”Ir-riżultat diżappuntanti li ġarrabna l-ġimgħa l-oħra għandu jservi bħala motivazzjoni biex inħarsu ‘l quddiem. Għal logħba ta’ għada ser naħdmu biex nagħtu prestazzjoni pożittiva li tirrispetta x-xogħol li sar fl-aħħar snin minn dan il-klabb”
Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ Luciano Zauri lejliet il-partita mit-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League bejn Ferencvaros u Ħamrun Spartans.
Huwa żied jgħid li minkejja s-saħħa li jipposjedi tim bħal Ferencvaros f’kull dipartiment, ma tiġġustifikax l-iżbalji li għamlu l-Ispartans f’Ta’ Qali bejn il-50 u 60 minuta.
“Id-diżappunt tal-ġimgħa l-oħra, ma jħassarx is-suċċessi li kiseb it-tim fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Irridu nkomplu nemmnu li t-tim tal-Ħamrun Spartans jista’ jkompli jikber u jissaħħaħ għall-isfidi tal-ġejjieni,” saħaq il-kowċ Luciano Zauri.
//= $special ?>