Eluf ta’ ġellieda mal-moviment tat-Taliban magħmul mill-militanti Iżlamiċi ultra-reliġjużi qegħdin jiċċelebraw it-tieni anniversarju mindu t-Talibani ħadu lura l-kontroll fl-Afganistan wara nuqqas ta’ 20 sena… Dan sar possibbli wara li telqu l-aħħar truppi tal-koalizzjoni internazzjonali li kienet qed tgħin fl-isforzi għas-sigurtà fil-pajjiż.
Intant, il-Gvern Afgan preċedenti appoġġjat mill-Punent kien ikkrolla fi kwistjoni ta’ ġranet, bit-Talibani jikkonsolidaw posthom mill-ġdid fil-kapitali fejn qed jinsistu għall-interpretazzjoni riġida u estremista tal-liġi Iżlamika magħrufa bħala Shariah fost il-poplu. F
is-soċjetà Afgana tallum qed ibatu l-aktar in-nisa u l-bniet li huma miċħuda mid-drittijiet bażiċi għax-xogħol u l-edukazzjoni – dejjem skont id-diktat radikali tat-Taliban… Sitwazzjoni li ġabet fix-xejn l-avvanzi tal-mara fis-soċjetà Afgana bejn l-aħħar xhur tal-2001 u s-sajf tal-2021 u meta l-liġijiet brutali u primittivi saru simboliċi tar-ritorn tat-Taliban fit-tmexxija tal-pajjiż.
Sadanittant, l-Afganistan, taħt it-Taliban, jinsab iżolat fuq livell internazzjonali. Dan waqt li l-komunità internazzjonali qed twissi lit-Talibani dwar id-disrispett għad-dinjità tal-bniedem, fost l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-pajjiż li qed iweġġgħu l-aktar lill-Afgani komuni.
//= $special ?>