Internazzjonali

L-Istati Uniti: Kritika għall-President Biden minħabba r-reazzjoni tal-Gvern għat-traġedja f’Hawaii

Il-President Amerikan Joe Biden qed jippjana biex iżur mill-aktar fis lill-Istat ta’ Hawaii wara li kien suġġett għal kritika qawwija minħabba n-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Gvern federali għan-nirien storiċi li qerdu parti kbira mill-gżira ta’ Maui.

Joe Biden insista li jrid jaċċerta li r-residenti ta’ Hawaii ma jkun jonqoshom xejn f’sin is-sitwazzjoni ta’ emerġenza u meta hu konfermat li l-vittmi li tilfu ħajjithom qabżu sew il-120. …Dan filwaqt li aktar minn 1,300  persuna għadhom rappurtati nieqsa b’kaġun tat-traġedja.

Ir-residenti f’Hawaii sadanittant qed ikomplu jilmentaw dwar l-imġieba tal- Gvern federali fil-konfront ta’ dan id-diżastru – u  meta l-President Biden, għall-bidu,  qal li ma kellux kummenti dwar in-numru ta’ fatalitajiet li kien dejjem qieghed jiżdied.

Madankollu Joe Biden issa tenna li hu ma kienx żar l-Istat ta;’ Hawaii għaliex ma riedx ixekkel ix-xoghol umanitarju li għaddej fl-inżawi. Hu żied li l-mara tiegħu, Jill Biden, se tkun qed takumpanjah fil-Hawaii matul is-sigħat li jmiss.

‘Il fuq minn 500 persuna mas-servizzi għall-emerġenzi ngħaqdu sabiex jagħtu l-għajnuna lill-imġarrbin f’Hawaii, bil-President Biden iżid li se tkun qed tintbagħat għajununa addizzjonali lejn Maui.

Intant, diversi membri tal-emerġenza qed jgħidu li l-vittmi tan-nirien għandhom jiżdiedu sew fil-jiem li ġejjin, hekk kif s’issa l-uffiċjali koprew biss xi ħamsa u għoxrin fil-mija taz-zona milquta waqt il-ħidma ta’ tfittxija u salvataġġ potenzjali tal-pesuni rappurtati nieqsa.