Neil Camenzuli
Is-Sibt tirritorna l-ogħla diviżjoni fl-Italja, bl-ewwel żewġ partiti jkunu Empoli kontra Hellas Verona u Frosinone kontra Napoli fis-6:30pm għal ftuħ ieħor ta’ staġun ta’ wieħed mill-iktar kampjonati segwiti fid-dinja.
Is-Serie A huwa wieħed mill-eqdem kampjonati fid-dinja tal-futbol, bl-istaġun 2023-24 jimmarka l-94 staġun fl-istorja ta’ dan il-kampjonat.
Hekk kif resqin lejn it-tmiem tas-suq tat-transferimenti, l-iskwadri kellhom l-opportunità li jsaħħu l-għażliet tagħhom sabiex forsi jisfidaw il-qawwa ta’ Napoli f’dan l-istaġun li ġej, hekk kif il-Partenopei ġew inkurunati champions tas-Serie A l-istaġun li għadda għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. Napoli temmew fl-ewwel post b’total impressjonanti ta’ 90 punt, 16-il punt iktar minn Lazio fit-tieni post.
Jistgħu Napoli jerġgħu jirrepetu s-suċċess tas-sena l-oħra?
L-istaġun li għadda kien wieħed brillanti għal Napoli, hekk kif taħt it-tmexxija ta’ Luciano Spalletti rnexxielhom jirbħu l-kampjonat b’distakk evidenti fil-kwalità u fil-prestazzjonijiet kontra l-iskwadri l-oħra. Madankollu, din is-sena taf tkun differenti għalihom, bit-tibdil fit-tmexxija għal Rudi Garcia li għadna rridu naraw x’isarraf wara nuqqas ta’ kważi 9 snin mill-kampjonat Taljan. Barra minnhekk, it-tluq tal-plejer kruċjali Kim Min Jae mid-difiża ta’ Napoli se tkun bla dubju ta’ detriment għalihom. L-attakkant Andrea Petagna kif ukoll id-difensur ċentrali Sebastiano Luperto ukoll ħallew lil-klabb f’dan is-suq. Sussegwentament, l-akkwisti li saru din is-sena mhumiex ta’ inspirazzjoni kbira għall-partitarji ta’ Napoli, bl-ikbar akkwisti jkunu l-firem permanenti ta’ Raspadori u Simeone li kienu ma’ Napoli s-sena l-oħra b’self, kif ukoll l-akkwist tad-difesnur ta’ 22 sena Nathan mingħand Bragantino tal-Brażil għal €10 miljuni, li għadna rridu naraw x’jista joffri f’kampjonat Ewropew.
Apparti Napoli, jidher li din is-sena se jkun hemm iżjed kompetizzjoni għat-titlu, b’Milan ikunu fost l-iktar timijiet fl-Ewropa mpenjati fis-suq tat-transferimenti, wieħed jista’ jgħid li r-Rossoneri deħlin għal dan l-istaġun bi kważi skwadra ġdida, hekk kif id-dirigenza ġdida ta’ Milan għarfet tuża l-flus mill-bejgħ ta’ Sandro Tonali lil Newcastle b’mod għaqli. Milan issaħħu ħafna speċjalment fl-atttakk u f’nofs il-grawnd, bi plejers potenti bħal Samuel Chukwueze, Christian Pulisic, Noah Okafor u Luka Romero kollha jingħaqdu mar-Rossoneri f’dan l-istaġun, apparti l-attakkant prominenti Lorenzo Colombo, li jerġa’ jirritorna lura mat-tim wara li kien misluf ma’ Lecce l-istaġun li għadda. F’nofs il-grawnd l-akkwisti ta’ Yunus Musah, Tijjani Reijnders u Ruben Loftus-Cheek kollha għandhom ikunu sostituzzjoni denja ta’ Tonali għal Milan.
Inter l-istaġun li għadda temmew fit-tielet post, kif ukoll waslu fil-finali tal-UEFA Champions League, fejn eventwalment sfaw megħluba minn Manchester City bl-iskor ta’ 1-0. Barra minn hekk Inter ukoll rebħu l-Coppa Italia kontra Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1. Minkejja dawn is-suċċessi, Inter ma rnexxielhomx jikkonvinċu lil attakkant prolifiku Romelu Lukaku jerġa jiffirma magħhom wara l-esperjenza tiegħu b’self mingħand Chelsea, kif ukoll tilfu lil-attakkant t’esperjenza Edin Dzeko li ngħaqad ma’ Fenerbahce, pero l-iktar plejer li se jinħass għal Inter huwa bla dubju l-goalkeeper Andre Onana li ħalla lin-Nerazzuri sabiex ingħaqad ma’ Manchester United. Inter ukoll kienu mpenjati fis-suq tat-transferimenti, b’akkwisti ta’ plejers ta’ esperjenza bħal Juan Cuadrado, li skadilu l-kuntratt minn ma’ Juventus, kif ukoll l-akkwist tal-goalkeeper Yann Sommer minn Bayern Munich għal kważi €7 miljun ewro u d-difensur Intermazzjonali Taljan Francesco Acerbi mingħand Lazio. Barra minnhekk, Inter ukoll investew f’ plejers ta’ età żgħira u stabiliti li se jkunu parti kruċjali mit-tim ta’ Inzaghi, fosthom Kristjan Asllani mingħand Empoli, Yann Bisseck mingħand Aarhus u Davide Frattesi minn Sassuolo.
Tim ieħor li jista’ jisfida lil Napoli din is-sena, kuntrarju għall-istaġun li għadda huma Juventus. Il Bianconeri kellhom staġun mimli sfidi, b’bosta restrizzjonijiet u nuqqas ta’ punti minħabba r-regoli tal-FFP, fejn saħansitra anka mhux se jitħallew jilagħbu fil-UEFA Conference League l-istaġun li ġej. Dan jista’ jittieħed bħala pożittiva għal Juventus hekk kif ikunu jistgħu jiffokaw iżjed fuq il-kampjonat. Timothy Weah mingħand Lille għas-somma ta’ qrib it-€12-il miljun huwa l-unika akkwist li Juventus irnexxielhom jagħmlu s’issa, madankollu l-fatt li Juventus kienu kapaċi jżommu plejers ta’ kwalità bħal Vlahovic, Chiesa u Rabiot jista’ jkun fattur kbir fis-suċċess tagħhom din is-sena.
Lazio s-sena l-oħra ssorprendew lil ħafna hekk kif temmew fit-tieni post fil-kampjonat taħt it-tmexxija ta’ Maurizio Sarri, madankollu din is-sena bit-telf ta’ plejer li ilu snin ikun kruċjali għal Lazio Milinkovic Savic jingħaqad ma’ Al-Hilal, il Biancocelesti jistgħu jkunu inqas b’saħħithom. Bla dubnju li wieħed xorta m’għandux jaqtahom barra xorta.
Min se jkun qiegħed jiġġieled għall-post mal-ewwel sitta?
Tim li dawn l-aħħar snin dejjem kien qiegħed fit-taqtiegħa għall-post fl-ewropa huwa Atalanta. It-tim immexxi minn Gasperini daħal f’kompetizzjoni Ewropea 6 darbiet fl-aħħar 7 snin, u din is-sena se jkunu qed jilagħbu fil-UEFA Europa League. L-akkwist ta’ Gianluca Scamacca fl-attakk se jkun qed jagħmel tajjeb għat-telfa tal-attakkant Daniż Rasmus Hojlund li ngħaqad ma’ Manchester United. Atalanta l-istaġun li għadda skorjaw 66 gowl fi 38 partita.
Roma temmew fis-sitt post l-istaġun li għadda, punt taħt Atalanta, kif ukoll it-tim immexxi minn Mourinho wasal sal-finali tal-UEFA Europa League, fejn tilfu l-konfront tagħhom kontra Sevilla wara l-għoti tal-penalties. It-tim mill-kapitali bla dubju se jerġa’ jkun fit-tellieqa għall-post fl-Ewropa, u jittama li jirritorna mal-ewwel erbgħa sabiex jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League.
Finalment, il-finalisti tal-UEFA Conference League Fiorentina ukoll huma mistennija jikkompetu mal-aqwa timijiet fil-kampjonat għal post fl-Ewropa, speċjalment jekk jirnexxielhom iżommu l-midfielder Sofyan Amrabat, li skont rapporti mill-midja internazzjonali għandu ħafna timijiet interessati fih madwar l-Ewropa kollha bl-aktar li qed jagħmlu pressjoni jkunu Manchester United.
Il-ġlieda kontra r-relegazzjoni
Fil-parti t’isfel tal-klassifika, numru ta’ timijiet se jkunu qed jiġġieldu sal-aħħar mumenti tal-kampjonat sabiex jevitaw iż-żona fatali u jiġu relegati għas-Serie B.
L-istaġun li għadda Hellas Verona rnexxielhom jiskappaw ir-relegazzjoni permezz tar-rebħ tal-playoff kontra Spezia wara li temmew bl-istess ammont ta’ punti fil-klassifika.
Lecce l-istaġun li għadda temmew fil-15-il post u akkumulaw total ta’ 36 punt fejn kienu biss ħames punti ‘l bogħod miż-żona ta’ relegazzjoni.
Dawn iż-żewġ timijiet flimkien mat-timijiet li ġew promossi mis-Serie B huma mistennija jikkumbattu ma’ xulxin għal min itemm fl-aħħar tlett postijiet fil-klassifika.
Frosinone, Genoa u Cagliari huma t-timijiet li rritornaw lura għas-Serie A, bit-tlett timijiet ikunu mpenjati fis-suq tat-transferimenti u jakkwistaw plejers li jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għalihom.
Genoa huwa t-tim li l-iktar irnexxielhu jiffirma plejers ta’ kalibru għoli, b’akkwisti bħal Mateo Retegui, Radu Dragusin, Josep Martinez, George Puscas, Mattia Aramu, Kevin Strootman, Nicola Leali, Junior Messias, Koni De Winter, Morten Thorsby fost oħrajn. Ħafna minn dawn il-plejers diġa għandhom esperjenza fis-Serie A jew inkella f’kampjonati oħra fl-Ewropa.
Ir-rebbieħa tas-Serie B tal-istaġun li għadda Frosinone
Liema plejers individwali se jispikkaw din is-sena?
L-istaġun li għadda, l-attakkant ta’ Napoli Victor Osimhen kien l-aqwa skorer fil-kampjonat b’26 gowl personali.
Apparti l-attakkant Niġerjan, Lautaro Martinez ta’ Inter, Dusan Vlahovic ta’ Juventus u Rafael Leao ta’ Milan kollha huma plejers li huma mistennija jikkompetu għall-unur tal-aqwa skorer. Boulaye Dia ta’ Salernitana, Ademola Lookman ta’ Atalanta u Mateo Retegui ta’ Genoa huma plejers li jafu jissorprendu u jkunu ma’ taf fuq f’din il-klassifika.
F’termini ta’ assists, Kvaratskhelia ta’ Napoli kien l-iktar plejer li ta suġġerimenti l-istaġun li għadda,bl-aspettativa hi li l-istilla ta’ Napoli jerġa jirrepeti l-istaġun fomidabbli li kellhu l-istaġun li għadda.
Rafael Leao, Federico Chiesa, Musa Barrow, Filip Kostic, Piotr Zielinski u Nicolo Barella huma kollha plejers li t-timijiet tagħhom se jkunu qed jittamaw li jkunu fil-forma u jipprovdu kemm jista’ jkun assists lil sħabhom.
Il-kampjonat jibda s-Sibt 19 ta’ Awwissu, nistennew u naraw x’se jkun offrut f’dan l-istaġun!
//= $special ?>