Is-sitwazzjoni diżastruża fil-Mosta hi ferm aktar serja milli wieħed kien jobsor. Dan hekk kif diversi persuni qed jikkummentaw fuq il-media soċjali dwar inċidenti li qed iseħħu kawża tax-xogħol li qed isir wara li ħadd mhu jagħtihom widen. B’familji u residenti – waħda wara l-oħra – jgħidu kif minħabba t-telqa u n-nuqqas ta’ sigurtà li hemm fil-pjazza, diversi persuni qed jispiċċaw jaqgħu u jweġġgħu.
Neil Vassallo kif in-nanna tiegħu, Mostija li għandha 82 sena, tista’ tgħoddha b’waħda wara li spiċċat waqgħet u fekket imneħira. Dan fost ġrieħi ħfief oħra li esperjenzat kawża tat-tħarbit u t-telqa li hemm fit-toroq prinċipali tal-Mosta.
“In-nanna xtaqet tinżel tara lil Santa Marija ħierġa,” qal Neil. “Kif waslet fiż-żona partikolari waqgħet u faqgħet wiċċha.”

U din ma kinitx l-unika persuna li sofriet minn ġrieħi gravi waqt li għadhom għaddejin ix-xogħolijiet fil-pjazza.
“Qabel in-nanna tiegħi weġġgħet oħra,” qal Neil. “Din ġietha agħar għax kisret saqajha t-tnejn u għadha fil-wheelchair sal-ġurnata tal-lum.”
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Neil Vassallo qal li l-awtoritajiet qed jagħżlu li jiftaħru dwar kif se tkun qed tiġi l-pjazza. Iżda fl-ebda mument ma ħasbu biex jaraw li hemm is-sigurtà kollha meħtieġa għal dawk li jgħaddu minn din iz-zona ta’ kuljum.
“In-nanna tiegħi hi mara b’saħħitha u tagħmel kollox,” qal Neil. “Tagħmel kollox weħidha. Jiġifieri din il-mara ma tistax tinżel il-pjazza? Se toqgħod imsakkra d-dar.”
Neil Vassallo qal li jifhem li l-proġett irid isir iżda s-sigurtà għandha tingħata prijorità.
“Ix-xogħol irid isir u nifhem li x-xogħol irid isir,” qal Neil. “Iżda għall-inqas fejn hemm t-toqob għalaqhom. Naqra konkos imur fin-nofs. U t-tappieri mhumiex livell mat-triq.”
Ix-xogħolijiet fil-pjazza tal-Mosta ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ; bis-Sindku Laburista jgħid li dan ix-xogħol mhux mistenni li jitlesta fi żmien qarib, anzi sal-ftuħ tas-sena skolastika l-pjazza se tkun għadha magħqluha; bix-xogħol mistenni li jkun lest qrib il-Milied.
“Is-sindku, li hu perit missu jaf x’għandu jsir għas-sigurtà,” qal Neil. “In-nies kienu qed jgħidulu jekk hux sigur u hu kien jgħidilhom li sigur.”
Dan iktar u iktar qajjem rabja fost ir-residenti u dawk kollha li jagħmlu użu minn din il-pjazza u l-inħawi. B’uħud jgħidu li sempliċiment waqa’ kapaċi twassal għall-mewt, b’mod speċjali meta jesperjenzawha xi anzjani.
“Jien il-flus ma jagħmlux bija,” qal Neil. “Jien l-importanti saħħet nannti għax fejn tidħol hi ma jidħol ħadd.”
Filmati u ritratti li qed jinxterdu fuq il-midja soċjali juru l-periklu li għad hemm ….tant li jekk wieħed jaljena moħħu faċilment jispiċċa jaqa’ u jweġġa’.
“Min se jerfa’ r-responsabbiltà?” staqsa Neil. “In-nanna tiegħi se terfa’ r-responsabbiltà għax hi qalgħat id-daqqa u fl-aħħar mill-aħħar hi qed terfa’ kollox, ħadd mhux se jerfa’ r-responsabbiltà.”


