Huma xokkanti r-rakkonti li ħarġu fl-aħħar sigħat ta’ diversi priġunieri Ukreni li fl-aħħar xhur waqgħu taħt idejn is-suldati Russi u spiċċaw esperjenzaw biża’ u tortura bla preċedent – stejjer li ħarġu fil-beraħ grazzi għal investigazzjoni li tmexxiet mill-ġurnalisti tal-BBC.
Kienu madwar 12 is-suldati Ukreni illi allegaw li waqt perjodu ta’ detenzjoni fil-Lbiċ tar-Russja għaddew min-terrur inuman, fejn sfaw aggrediti bi swat u xokkijiet elettriċi, waqt li kienu taħt idejn ir-Russi.
Dawn l-allegazzjonijiet serji jistgħu jfissru ksur tad-drittijiet tal-bniedem; każi serji li qed jitfgħu dell ikrah ferm fuq it-tmexxija ta’ Vladimir Putin.
L-allegazzjonijiet ta dawn l-eks priġunieri li jinkludu irġiel u nisa seħħew fil-ħabs ta’ Taganrog. Huma qed jgħidu li kienu ripetutament imsawta, u li ingħataw xokkijiet waqt l-interrogazzjonijiet. Dan filwaqt li l-gwardji Russi kontinwament bdew jheddu u jintimidaw lid-detenuti.
Dawn il-priġunieri qed jgħidu ukoll li huma kienu kontinwament jitħallew bil-ġuħ, u dawk li jindarbu ma kienux jingħatawx assistenza medika; b’rapporti ta’ detenuti li spiċċaw imutu fil-faċilità Russa.
Il-Gvern Russu ma wieġeb xejn għal dawn l-allegazzjonijiet iżda ma ppermetta l-ebda entità esterna, inkluż in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li jżuru l-faċilità li qabel il-gwerra ntużat esklussivament biex jinżammu priġunieri Russi.
Il-Ministru tad-Difiża Russu ma weġibx għal diversi talbiet biex jikkummenta dwar dawn l-allegazzjonijiet li preċedentement diġa’ ċaħad dawn l-akkuzi ta’ torturi jew trattament ħażin tal-priġunieri Ukreni fil-ħabs li kienu saru kmieni fil-bidu ta’ din il-gwerra.
Skont gruppi tad-drittijiet umani qed jingħad li madwar 10,000 priġunieri huma maħsuba li għadhom qed jinżammu fil-kustodja tar-Russi.
Skont Dmytro Lubinets, li hu l-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ukrajna, disgħa minn kull għaxar detenuti sostnew li kienu ġew torturati waqt li kienu fil-ħabs.
//= $special ?>