L-Ogħla Tmexxija fl-Ukrajna ċaħdet b’mod assolut is-suġġeriment minn burokratiku tan-NATO biex l-Ukreni jċedu xi territorji lir-Russja bħala skambju għal sħubija fl-Alleanza tal-Punent.
Sadanittant qed ikomplu l-isforzi diplomatiċi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li tagħlaq sena u nofs proprju bħallum ġimgħa. Dan waqt li l-uffiċjali tan-NATO, fl-aħħar sigħat, ippruvaw itaffu l-effett tal-kummenti ta’ Stian Jenssen, il-Kap tal-Istaff taas-Segretarju-Ġenerali tal-Alleanza, Jens Stoltenberg, wara li hu ressaq dak li ħasibha bħala ‘soluzzjoni probabbli għall-konflitt’.
Jenssen għadda dan il-kumment waqt li kien qed jiddiskuti l-ambizzjonijiet tal-Ukrajna biex tifforma parti min-NATO u fejn sostna li ‘l-Ukrajna biss għandha tiddeċiedi l-mod kif għandha tinnegozja f’sitwazzjoni bħal din’.
Iżda l-Ukreni minnufih esprimew rabja għal dan is-suġġeriment, bin-NATO tirrifjuta li qed tinsisti b’mod uffiċjali biex l-Ukrajna ċċedi l-art lir-Russi bħala kundizzjoni biex tissieħeb fl-Alleanza. Madankollu, Jenssen baqa’ itenni li għalkemm mhux jinsisti dwar l-iskambju, ftehim ta’ dan it-tip kapaċi joffri forma ta’ soluzzjoni għall-konflitt.
Sadanittant, il-kelliema ewlenin għall-Gvern tal-Ukrajna u għall-President Ukren Volodymyr Zelensky ikkundannaw is-suġġeriment bħala ‘offerta ta’ rigal lill-(President Russu) Vladimir Putin li għandu jdejh imċappsin bid-demm taċ-ċivili innoċenti’.
Dawn il-kelliema qalu wkoll li n-NATO għandha żżomm lura milli tinkoraġġixxi kriminali bħal Putin filwaqt li tagħmel minn kollox biex ma tippriservax reġim qattiel bħall-Kremlin ta’ Moska li qed jaħseb biex jittrasferixxi l-kilba għall-gwerra lill-ġenerazzjonijiet ġodda tar-Russi’.
Intant, il-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin fi Kiev qal li kwalunkwe proposta biex l-Ukrajna ċċedi artha lir-Russja biex tissieħeb fin-NATO għandha titqies bħala totalment inaċċettabbli. Il-Ministeru tenna wkoll li jkun fl-aħjar interessi tas-sigurtà fl-Ewropa u r-reġjun tal-Atlantiku li kieku tingħata spinta lill-mezzi li jaċċertaw rebħa għall-Ukrajna f’din il-gwerra u għall-passi li jmiss biex il-pajjiż isir membru sħiħ tan-NATO.
//= $special ?>