Lokali

Bosta jitħallew l-art wara ‘SummerDaze’

45,000 – dan huwa l-ammont ta’ persuni li attendew għall-ewwel serata ta’ SummerDaze fil-15 ta’ Awwissu.

U minkejja li l-festival innifsu kien suċċess minn diversi aspetti, is-servizzi speċjali marbutin ma’ dan il-festival kienu kritikati minn bosta.

Ftit jiem biss qabel dan il-festival il-kumpanija tallinja kienet ħabbret servizz speċjali sabiex in-nies ikunu jistgħu jattendu u jmorru lura d-dar billi jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Iżda is-servizz żgur ma kienx biżejjed sabiex jaqdi l-eluf ta’ persuni li attendew, b’total ta 16-il vjaġġ madwar Malta kollha.

Apparti minn hekk, sorsi ta’ Net News żvelaw li l-kunċert dam aktar milli mistenni u kkonkluda għall-ħabta tas-2 ta’ filgħodu. U għal dawk li xtaqu jagħmlu użu minn tallinja żgur spiċċaw f’sitwazzjoni frustranti għaliex minkejja li l-kunċert ittardja s-servizzi speċjali xorta waħda waqfu fil-ħin pjanat.

U allura dan ifisser li bosta persuni kellhom issibu alternattiva oħra sabiex imorru lura d-dar – u anke hawn, sabu l-problemi.

Persuni spjegaw ma’ Net News li minħabba d-domanda kbira l-‘cabs’ kienu bi prezz aktar għoli mis-soltu filwaqt li kienet impossibli sabiex wieħed jirnexxielu jibbukja ‘cab’ hekk kif kollha kienu diġa’ meħudin.

Bosta persuni fuq il-midja soċjali esprimew ir-rabja tagħhom għan-nuqqas ta’ flessibilità minn naħa ta’ tallinja kif ukoll għar-rotot limitati li kien hemm. Dan għaliex bosta nies xorta waħda kellhom isibu alternattiva oħra bħala mezz ta’ trasport.

Minn naħa l-oħra is-servizz lejn Ta’ Qali wkoll kien wieħed batut b’total ta’ 4 vjaġġi biss li kollha kienu jitilqu mill-Belt Valletta.

Intant, bosta nies appellaw sabiex f’avvenimenti bħal dawn ikun hawn pjan alternattiv f’każ li l-affarijiet ma jmorrux kif kienu pjanati oriġinarjament. Dan apparti problemi oħra relatati ma’ organizzazjoni, u anke fejn jidħol il-bejgħ ta’ xorb mill-istess avveniment.