Dalgħodu fil-Qorti kompliet l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li seħħ f’Diċembru li għadda.
L-Inkjesta qed titmexxa mill-Ombudsman u l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-Perit Mario Cassar.
L-ewwel persuna li xehed huwa l-Perit David Xuereb li jmexxi l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (l-OHSA) li ilu jikkupa din il-kariga minn Novembru tal-2021. Huwa qal li bħalissa hemm 14-il uffiċjal li jaħdmu bħala spetturi fuq il-postijiet tax-xogħol u 20 enforcement officer, fejn wara li seħħet it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, dawn l-ispetturi ma żdidux.
Mistoqsi dwar jekk ingħatawx gwida jew pplicy minn naħa tal-Gvern dwar dan is-settur, Xuereb qal li din qatt ma ngħatat.
Xuereb qal li l-OHSA kienet propniet li jiżdiedu l-uffiċjali tagħha iżda dejjem kien hemm dewmien burokratiku biex dan jitwettaq fejn ir-riżorsi mitluba għadhom ma waslux.
Kien hawn fejn il-Perit Mario Cassar tkellem dwar il-bżonn li l-pubbliku jkollu serħan il-moħħ dwar il-kostruzzjoni li tkun għaddejja ħdejhom.
Il-Perit David Xuereb qal li dawk il-persuni li mhumiex jimxu mar-regoli għandha titneħħilhom il-liċenzja u jmorru jaġdmu x’imkien ieħor, filwaqt li ddeskriva din l-industrija bħala pazjent li jinsab marid.
Huwa ddeskriva l-mentalità tal-kostruzzjoni f’pajjiżna bħala waħda xokkanti. Għalhekk saħaq li hemm bżonn li ssir trasformazzjoni sħiħa fejn nibdew imxu fuq standards għoljin. Dan hekk kif din l-industrija qed tonqos mir-rispettt lejn il-ħaddiema kif ukoll lejn ir-residenti.
Il-Perit Xuereb qal li matul is-sena li għaddiet saru 4,000 spezzjoni f’siti ta’ kostruzzjoni.
L-Avukat Therese Comodini li qed tidher għall-familja ta’ Jean Paul Sofia staqsiet lill-Perit David Xuereb dwar il-fatt li l-OHSA ma kinitx taf li kienu bdew ix-xgħolijiet fis-sit ta’ kostruzzjoni fejn tilef ħajtu Jean Paul. Kien hawn fejn Xuereb kjarifika li l-formola ma ssir min-naħa tal-OHSA iżda mis-sid jew l-iżviluppatur.
Wara, beda x-xhieda tiegħu Mark Gauci, eks Kap Eżekuttiv tal-OHSA. Huwa tkellem dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw sabiex isibu iktar ħaddiema kif ukoll fuq il-fatt li dejjem ngħataw inqas fondi minn kemm talbu. Tkellem ukoll dwar dak li jaffaċċjaw dawn l-ispetturi meta jmorru f’sit ta’ kostruzzjoni.
Gauci semma kif meta jseħħ inċident fuq il-post tax-xogħol, dan jiġi ddikjarat bħala inċident jekk il-vittma tkun rikoverata l-Isptar għal mill-inqas erbat ijiem.
Meta mistoqsi minn Zammit McKeon jekk hux minnu li l-maġġoranza ta’ inċidenti li jseħħu fuq il-post tax-xogħol isiru f’siti ta’ kostruzzjoni, huwa rrisponda fil-pożittiv. Mark Gauci qal li 72% tal-fatalitajiet iseħħu f’siti ta’ kostruzzjoni.
Mistoqsi speċifikament dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, Gauci qal li meta seħħ il-każ l-Ispetturi tal-OHSA kienu hemm mill-bidu nett tant li anke talbu sabiex ikunu preżneti għall-Inkjesta Maġisterjali, iżda t-talba tagħhom ma ġietx aċċettata.
Gauci tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm riforma sħiħa fil-liġi. Tibdil fil-liġi beda snin ilu iżda matul is-snin Guaci kemm-il darba qal lil Ministri differenti li hemm bżonn ta’ riforma sħiħa… iżda kważi ħadd ma wera interess.
L-eks Kap Eżekuttiv tal-OHSA tefa’ dawl fuq il-problema li ħafna mill-ħaddiema li jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni huma ta’ nazzjonalità barranija, fejn xi drabi huwa diffiċli sabiex tintraċċahom.
Jitla’ jixhed l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Kenneth Haber. Haber talab għal aktar żmien biex jippreżenta l-istatistika mitluba minnu dwar każi li saru fuq siti ta’ kostruzzjoni, kemm hemm każijiet pendenti u kemm-il darba ntalbet l-assistenza tal-Pulizija fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Ix-xhieda li jmiss hija s-Supretendent Denise Miruzzi Mula. Hija ppreżentat riċerka li wriet li f’ħames snin kien hemm 526 każ, li 516 minnhom ġew deċiżi iżda 119 għadhom pendenti.
Jitla’ jixhed ir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali u Tribunali Franklin Calleja fejn qal li bejn l-aħħar ħames snin, mill-2018 sal-2023, kien hemm 895 każ ġdid dwar inċidenti li seħħew f’siti ta’ kostruzzjoni li 758 minnhom ġew deċiżi.
L-Inkjesta Pubblika kienet aġġornata għal għada.
IKTAR KMIENI
Dalgħodu fil-Qorti mistennija tkompli l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.
L-inċident traġiku meta tilef ħajtu Jean Paul, kien seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru li għadda, fejn fi ftit minuti iġġarrfet binja waqt xogħol ta’ kostruzzjoni…b’konsegwenza li ħalliet liż-żagħżugħ ta’ 20 sena mirdum qalb it-terapien, filwaqt illi 5 persuni oħra spiċċaw midruba serjament.
Għal xhur sħaħ, il-Gvern baqa’ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwarha. Tant li saħansitra ivvota kontra l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista.
Dawn huma is-seba’ aspetti li qed tinvestiga l-Inkjesta:
- Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
- Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
- Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
- Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
- Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
- Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
- Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.