L-għaqda Repubblika ikkundannat il-każ serju li kiteb dwaru l-Professur Arnold Cassola b’rabta mal-iskandlu li faqqa fi Trasport Malta – skandlu li jmur lura għal sena ilu meta f’Awwissu kien żvelat kif numru ta’ persuni kienu jingħataw trattament speċjali sabiex jgħaddu mit-test tal-karozza.
U issa, sena wara, sar magħruf li l-whistleblower li kien kixef dan l-iskandlu spiċċa mkeċċi minn Malta proprju minħabba li kixef dan l-iskandlu li fih hemm hemm implikat Ministru tal-Gvern Laburista ta’ Robert Abela.
Fi kliem Repubblika, dan il-każ jifta’ dawl fuq żewġ aspetti importanti li jeħtieġu diskussjoni nazzjonali urġenti:
L-ewwel: il-liġi li suppost tipproteġi lill-whistleblowers m’hi effettiva xejn. Kull min jikxef il-korruzzjoni għandu jkun protett minn kwalunkwe azzjoni detrimentali bi tpattijja għas-servizz li jkun ta lill-pajjiż. Il-liġi għandha tipprovdi li kull min isofri vendikazzjoni, tkun xi tkun, ikun ikkumpensat għaliha u jingħata l-protezzjoni biex ma jbatix aktar. Jekk pajjiżna jrid bis-serjetà jiġġieled ‘il-korruzzjoni, ħadd m’għandu jibża li jiġi kkastigat għax jikxef dak li jaf.
It-tieni: kull min ilu jgħix Malta daqs kemm kien ilha l-persuna f’dan il-każ, kull min jagħmel Malta d-dar tiegħu, iħallas it-taxxi, u jipparteċipa anke b’mod volontarju fil-ħajja tal-komunità Maltija hu Malti anke jekk ma twelidx Malta. Dan il-fatt għandu jkun rikonoxxut biċ-ċittadinanza Maltija li hi d-dritt ta’ kull Malti, twieled fejn twieled. Iċ-ċaħda taċ-ċittadinanza lil min ħaqqu hi att diskriminatorju li jċaħħad lil dak li jkun minn drittijiet fundamentali. F’dan il-każ il-persuna kkonċernata ċċaħħdet mid-dritt li ma tiġix eżiljata minn darha u pajiżha għax rifset il-kallu ta’ ministru tal-gvern.
Repubblika qalet illi din hi storja ta’ inġustizzja gravi, att ta’ gvern kattiv li jsawwat lil min kull ma ried jagħmel kien li jikxef lil min kien qed ifotti.
“Fil-każ partikolari tal-persuna li jikteb dwarha Arnold Cassolla, nesiġu li b’mod indipendenti jiġu mistħarrġa l-fatti u jekk jirriżultaw korretti, il-persuna kkonċernata tingħata permess tiġi lura Malta, tingħata ċ-ċittadinanza Maltija, u tiġi kkumpensata għat-tbatija li sofriet mill-azzjoni vendikattiva tal-gvern.”
“Intennu s-sejħa tagħna għal riformi fl-oqsma tal-protezzjoni tal-whistleblowers u taċ-ċittadinanza. Hawn issib links għall-proposti tagħna għal dawn iż-żewġ setturi.”
//= $special ?>