Is-sejba li saret waqt Proġett ta’ restawr iffinanzjat mill-BOV.
Pittura li ġiet misjuba wara arkata mblukkata fil-Gran Salon fi ħdan il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta ġiet ikkonfermata bħala xbieha ta’ Nettunu, l-Alla Ruman tal-Baħar, li qiegħed iżomm trident f’idu. Il-pittura ġiet skoperta għall-ewwel darba fl-2021 waqt il-proġett ta’ konservazzjoni estensiv li għaddej fil-Gran Salon permezz tal-appoġġ tal-Bank of Valletta.
Il-pittura ta’ Nettunu tinsab fuq fireplace f’arkata, li din kienet ġiet imblukkata u l-faċċata l-ġdida ta’ quddiemha ddekorata mill-ġdid. Waqt li kien qed jitneħħa xi tikħil antik ħdejn din l-arkata moħbija, il-konservaturi raw elementi dekorattivi kompletament differenti mill-iskema dekorattiva attwali tal-Gran Salon u saret fetħa żgħira fejn inkixfu dettalji ta’ trident.
Wara diskussjonijiet dwar din is-sejba ma’ diversi professjonisti, it-tim tal-konservazzjoni u l-esperti ta’ Heritage Malta, bl-approvazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, komplew ineħħu b’mod metikoluż il-ġebel li kienu qed jimblokkaw l-arkata u hemmhekk inkixfet il-pittura ta’ Nettuno ta’ madwar l-aħħar tas-seklu 17 jew il-bidu tas-seklu 18. Huwa qiegħed bilqiegħda f’nofs arzella kbira, b’idu x-xellugija fuq ġarra tnixxi l-ilma filwaqt li jżomm it-trident f’idu l-leminija. Nettuno huwa mpinġi b’kulur aħdar possibilment biex jimita l-istatwi tal-bronż. Bħala parti mill-iskema dekorattiva hemm ukoll xi karatteristiċi arkitettoniċi kif ukoll diversi arzell u ħut oħra. Sal-lum dan huwa l-uniku element li għadu jeżisti mill-iskema dekorattiva oriġinali tal-Gran Salon, qabel id-dekorazzjoni mill-ġdid tal-bidu tas-seklu 19 ta’ dan l-ispazju ċerimonjali importanti.
Il-Gran Salon hija sala majestuża u waħda mill-isbaħ karatteristiċi tal-Berġa ta’ Provenza li fiha jinsab il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-bini ta’ żmien il-Kavallieri probabbilment kien imżejjen għal kollox, madankollu d-dekorazzjonijiet oriġinali tneħħew jew tgħattew fi żmien l-Ingliżi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, u ċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius, għamlu żjara fil-Gran Salon biex jaraw din is-sejba u ġew milqugħa mis-COO ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, u t-tim tal-konservazzjoni li tawhom aġġornament dwar il-proċess ta’ konservazzjoni.
Is-Sur Gambin esprima l-ferħ tiegħu bl-iskoperta ta’ din l-iskema dekorattiva bikrija li tkompli tkabbar il-valur u s-sbuħija tal-Gran Salon. Huwa faħħar l-isforzi tal-konservaturi dedikati ta’ Heritage Malta li kellhom rwol kruċjali f’dan il-proġett, u rringrazzja lill-BOV għall-appoġġ bla waqfien tiegħu. Heritage Malta tistenna bil-ħerqa li tagħmel din l-iskoperta aċċessibbli għall-pubbliku, f’konformità mal-impenn tagħha li tressaq il-wirt kulturali ta’ Malta fil-firxa tal-akbar udjenza possibbli.
‘Bħala Bank li qed jiċċelebra l-50 Anniversarju tiegħu s-sena d-dieħla, u b’aktar minn 200 sena ta’ Storja f’Malta, il-wirt lokali huwa ferm għal qalbna u jifforma parti integrali mill-Programm fil-Komunita tal-BOV,’ qal il-Kap Eżekuttiv tal-BOV. ‘Tassew kuntenti li aħna parti minn din is-sejba interessanti flimkien ma’ Heritage Malta u ħerqana li nsegwu kull informazzjoni ġdida li din se titfa’ fuq l-istorja ta’ din is-sala mill-isbaħ.’
‘Ir-restawr tal-Gran Salon beda fl-2017 permezz ta’ sħubija bejn il-Bank of Valletta u Heritage Malta. Il-parteċipazzjoni tal-BOV f’dan il-proġett tifforma parti mill-impenn tal-Bank li jappoġġja u jassisti lill-Komunità li jopera fiha bħala ċittadin attiv ta’ din il-komunità, lil hinn milli jipprovdi servizzi finanzjarji.
//= $special ?>