Dalgħodu kienu ppubblikati dettalji ġodda b’rabta mal-iskandlu li faqqa fi Trasport Malta… skandlu li jmur lura għal sena ilu meta f’Awwissu kien żvelat kif numru ta’ persuni kienu jingħataw trattament speċjali sabiex jgħaddu mit-test tal-karozza.
Issa sena wara sar magħruf li l-whistleblower li kien kixef dan l-iskandlu spiċċa mkeċċi minn Malta proprju minħabba li kixef dan l-iskandlu li fih hemm hemm implikat Ministru tal-Gvern Laburista ta’ Robert Abela.
F’artiklu ppubblikat fit-Times of Malta, Arnold Cassola jgħid li l-whistleblower li ngħata l-isem fittizju ta’ Aziz kien ilu jgħix Malta għal tmintax-il sena fejn saħansitra kien anke nħatar segretarju ta’ Każin tal-Partit Laburista.
Cassola jiżvela kif il-permess ta’ residenza ta’ Aziz twaqqaf bħala tpattija li kixef dan l-iskandlu li kien għaddej fi ħdan Transport Malta, bil-konsegwenza li kellu jitlaq minn pajjiżna.
Aziz kien jaħdem bħala translator ma’ Transport Malta fejn kien jassisti li dawk kollha li ma kinux jitkellmu la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż waqt l-eżami tas-sewqan.
Ir-relazzjoni li kien qed jibni mal-komunità Għarbija f’Malta serviet biex l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħeġġu jinvolvi ruħu fil-Partit Laburista. Fejn proprju fl-2008 beda jiffrekwenta l-Każin Laburista tal-lokalità tiegħu fejn aktar tard ġie maħtur bħala delegat tal-Partit Laburista u segretarjuj ta’ dan il-Kazin… dejjem bil-barka ta’ Joseph Muscat.
Wara l-elezzjoni tal-2017 Aziz kien applika darbtejn biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija, wara li kien ilu iktar minn għaxar snin jgħix Malta. B’Aziz jaħseb li din kienet se tkun xi ħaġa faċli peress li issa kien bena relazzjoni tajba ferm mal-Gvern Laburista. Iżda ma kienx il-każ għax Aziz baqa’ mingħajr ċittadinanza Maltija… b’Aziż jistqarr li kien id-Deputat Laburista Alex Muscat, li dak iż-żmien kien Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-ċittadinanza li m’aċċettax l-applikazzjoni tiegħu. Kien hawn meta Aziz irrealizza li kien qed jiġi użat mill-Partit tiegħu stess.
Quddiem dan kollu Aziz iddeċieda li jikxef dak kollu li kien għaddej fi Transport Malta fost l-oħrajn meta kienu jsiru l-eżamijiet tas-sewqan. Aziz jirrakonta kif id-Direttur ta’ Transport Malta Clint Mansueto kien jagħtih numru ta’ karti tal-eżami bir-risport diġà lesti, fejn Aziz kellu jara li numru ta’ sewwieqa Taljani li kienu jaħdmu ma’ kumpanija rinomata kif ukoll numru ta’ sewwieqa tal-karozzi tal-linja… li kienu rakkomandati mill-Ministru ta’ Robert Abela, jgħadd mill-ezami tas-sewqan.
Aziz irrakonta kif mar jikxef din il-korruzzjoni kollha li kienet għaddejja u tkellem mal-eks Ministru Carmelo Abela, ma’ Sandro Cruas li kien jaħdem Kastilja, ma’ Alex Muscat u anke ma’ Jesmond Zammit mill-Ministeru ta’ Ian Borg… iżda ħadd ma tah widen. Bl-uniku risposta li ngħata mill-Ministru Borg kienet biex jagħmel laqgħa taċ-Chairman ta’ Transport Malta.
Kien hawn meta Aziz ddeċieda jikteb email anonima lid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali fejn kixef dak li kien għaddej fi ħdan Transport Malta. Din l-informazzjon waslet biex l-unku whistleblower f’dan il-każ ta’ korruzzjoni, jispiċċa jitkeċċa minn pajjiżna.
Intant, sena wara li faqqa’ dan l-iskandlu, għandna ma nafux min huwa l-Ministru implikat f’dan il-każ ta’ korruzzjoni hekk kif il-każ għadu għaddej fil-Qorti.
//= $special ?>