Lokali Qorti

Iosif Galea jinżamm arrestat fuq akkużi relatati ma’ reati finanzjarji

Iosif Galea ta’ 42 sena residenti s-Siġġiewi nżamm arrestat wara li ġie mixli b’akkużi relatati ma’ reati finanzjarji u użu ħażin ta’ apparat elettroniku fost akkużi oħra.

Waqt is-seduta l-prosekuzzjoni spjegat li Galea ġie estradit mill-Ġermanja permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew mill-awtoritajiet Maltin. Il-mandat minn Malta kien ħareġ f’Mejju tas-sena li għaddiet wara li Galea l-ewwel ġie arrestat fl-Italja waqt li kien btala ma’ diversi persuni; inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Aktar tard, huwa ġie arrestat il-Ġermanja fejn ġie kkundannat sentenza ħabs fuq akkużi separati. Iosif Galea wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Meta tressaq il-Qorti l-Ħamis id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest; talba li ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba l-gravità tal-akkużi kif ukoll għaliex hemm nies li jaħdmu l-Malta Gaming Authority li għadhom iridu jixdhu.

Għaldaqstant il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo ordna l-iffriżar tal-assi ta’ Galea filwaqt li ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistit mill-Ispettur Brian Paul Camilleri mit-Taqsima tal-Ħasil tal-Flus kif ukoll mill-Ispettur Marcus Cachia mit-Taqsima tas-Cybercrime.

Għall-akkużat deher l-Avukat Edward Gatt.