Ambjent Internazzjonali

KANADA: Ġirja kontra l-ħin wara n-nirien li infirxu f’Yellowknife

Waħda mill-akbar bliet fit-tramuntana tal-Kanada qed tiġi evakwata fost twissijiet li nirien jistgħu jilħquha sa tmiem din il-ġimgħa.

Mal-20,000 resident ta’ Yellowknife għandom sa nhar il-ġimgħa wara nofsinhar sabiex jevakwaw.

Waħda mir-residenti qalet li l-karozza tagħha bdiet iddub hekk kif hi u l-familja tagħa kienu qed jaħarbu min-nirien.

Il-militar tal-Kanada kien qed jikkordina l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ minn diversi komunitajiet li fl-aħħar jiem kienu mhedda minn nirien fil-foresti. Il-biċċa l-kbira tar-residenti ittieħdu fin-nofsinhar fil-provinċja ta’ Alberta, mingħajr ebda indikazzjoni dwar meta se jkunu jistgħu jirritornaw lura fil-komunitajiet tagħhom.

Il-Kanada qed taffacja l-agħar staġun tan-nirien li ilu ma jiġi reġistrat għal żmien twil, bi kważi 1,100 nar attiv li qegħdin jinħarqu madwar il-pajjiż minn nhar l-Erbgħa. L-esperti indikaw Rebbiegħa aktar sħuna u niexfa min-normal bħala il-kawża ta’ dawn in-nirien li qed jeqirdu it-tramuntana tal-Kanada.

Ix-xjentisti qed jgħidu li t-tibdil fil-klima jżid ir-riskju tat-temp sħun u niexef li u l-kawża tan-nirien fil-foresti mhux biss fil-Kanada iżda anka madwar id-dinja kollha.

In-nirien qegħdin jinfirxu ukoll madwar il-pajjiż minn British Colombia fil-punent sa Quebec fil-Lvant. Is-servizzi ta’ emerġenza huma f’dak li jissejjaħ National Preparedness Level 5 – l-ogħla possibbli – jiġifieri l-pumpiera kollha fil-pajjiż qed jingħataw il-kompitu li jindirizzaw in-nirien.

Minbarra l-isforz enormi ta’ evakwazzjoni fil-belt ta’ Yellowknife. Stat ta’ emerġenza ġie ddikjarat ukoll fil-belt ta’ Kelowna fil-provinċja ta’ British Colombia.