Lokali

Kemmuna saret “ġungla” u se tispiċċa tintilef

“Il-kaos, id-diżorganizzazzjoni kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Kemmuna huma kollha raġunijiet li se jwasslu biex din il-gżira tintilef”

Dan intqal fl-Editorjal tal-Ħamis ta’ ‘The Malta Independent’ – editorjal li ddeskriva l-ambjent li wieħed isib f’Kemmuna bħala ġungla.

L-editur sostna li sena wara sena Kemmuna qed tkompli sejra għall-agħar bit-turisti li jżuru din il-gżira jispiċċaw iddiżappuntati b’dak kollu li jsibu ma wiċċhom.

Dan għaliex Kemmuna qed tiġi reklamata bħala gżira rilassanti iżda fir-realtà meta wieħed jasal hemm isib bajja fgata bid-deckchairs, bin-nies jgħumu fejn id-dgħajjes u nuqqas ta’ kumdità jekk wieħed ma jkunx irid deckchair. Dan apparti l-istorbju, il-kaos kif ukoll il-fatt li il-bajja ta’ Kemmuna qed tospita aktar nies milli tiflaħ.

L-editur saħaq li dan kollu se jwassal li Kemmuna tintilef mill-pakkett turistiku ta’ pajjiżna hekk kif fir-realtà il-kummerċjalizzazzjoni ta’ din il-gżira qed tħalli impatt negattiv fuq it-turiżmu.

Dan għaliex il-kummerċjalizzazzjoni qed twassal għal ‘overtourism’ fuq din il-gżira apparti li dak li qed jiġi reklamat mhuwiex ir-realtà.

L-editur ikkonkluda b’appell biex tittieħed azzjoni minnufih filwaqt li ppropona miżuri sabiex l-aċċess ikun wieħed ristrett. Dan sabiex it-turisti u l-Maltin li jżuru Kemmuna jieħdu l-esperjenza li qed tiġi reklamata u Kemmuna tkun verament magħrufa bħala post fejn persuna tista’ tqatta’ ġurnata rilassanti.