Kmieni dalgħodu l-forzi Ukreni ħabbru suċċess militari ieħor fejn id-Deputat Ministru tad-Difiża qal li lliberaw ir-reġjun ta’ Donetsk, u li dan huwa l-ewwel reġjun li reġgħu ħadu lura mis-27 ta’ Lulju. Dan minkejja l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-kamp tal-battalja.
Apparti dan is-suċċess, vapur tal-merkanzija li ilu maqbud mill-24 ta’ Frar tas-sena l-oħra dalgħodu ħareġ mill-port ta’ Odesa. Dan minkejja theddida tal-flotta Russa. L-Ukrajna qalet li dan il-vapur kien qed juża il-kuritur temporanju ġdid fil-Baħar l-Iswed għall-vapuri tal-merkanzija.
Fi żviluppi oħra, ilbieraħ wara nofsinhar l-Unjoni Ewropea ttrasferiet €135 miljun li inizjalment kienu allokati għall-programmi mar-Russja u l-Belarus. Dawn il-flus issa ingħataw lill-Ukrajna u l-Moldova fejn il-Kummissarju tal-UE għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira qalet li “d-deċiżjoni hija riżultat tal-gwerra brutali tar-Russja kontra l-Ukrajna”.
L-Unjoni Ewropea ddeċidiet ukoll li r-reġjuni fil-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja u l-Polonja li suppost kellhom jipparteċipaw fi programmi ta’ kooperazzjoni mar-Russja u l-Belarus jistgħu jipparteċipaw fi programmi eżistenti oħra.
//= $special ?>