Lokali Qorti

Miċħuda talba oħra biex Yorgen Fenech jingħata l-ħelsien mill-arrest

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R Micallef u Giovanni Grixti ċaħdet talba oħra ta’ Yorgen Fenech biex jingħata l-ħelsien mill-arrest fejn għal darba l-biża’ li jaħrab minn Malta u l-kontaminazzjoni tal-provi huma r-raġunijiet prinċipali għal din iċ-ċaħda.

Għaldaqatant tentattiv ieħor biex Yorgen Fenech jingħata l-pleġġ u dan wara li fir-rikors li għamel fis-7 t’Awissu, li għadda wara li  talab il-ħelsien mill-arrest pendenti l-proċeduri kontra tiegħu dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fenech qal fit-talba tiegħu li ilu mizmum taħt arrest preventiv mit-30 ta’ Novembru, 2019 li hija d-data li fiha tressaq b’arrest mixli b’kompicita’ u assocjazzjoni f’omicidju volontarju. 

Huwa lmenta li minkejja li ilu hekk miżmum taħt arrest għall-kwazi erba’ snin, ma jafx x’inhi r-raġuni għaliex mhuwiex qed jingħata l-ħelsien mill-arrest u dan ghaliex fejn f’talbiet oħra l-Avukat Ġenerali kien iressaq bħala raguni oppożitorja li l-inkjesta fl-in genere għadha mhix konkluża u li hemm il-biża tal-ħarba llum hemm bdil fiċ-ċirkostanzi li jxejnu l-biża tal-intralċ fil-provi u dik tal-ħarba.

Fenech qal li hui ressaq bħala xhud tal-affidabilità tiegħu lil psikologa adetta mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u għamel referenza għall-diversi sentenzi tal-Qrati tagħna li trattaw ir-rimedju ta’ “house arrest” bħala miżura alternattiva għall-arrest preventiv u dan stante li l-istess Fenech iddikjara li dispost li jibqa’ f’daru pendenti l-proċeduri kontra tiegħu b’miżuri addizjonali ta’ sorveljanza u moniteraġġ f’każ li jinħeles mill-arrest. 

Huwa ssokta jilmenta li llum il-ġurnata hemm bdil fiċ-ċirkostanzi fejn ma għadx hemm il-biża tal-intralċ fil-provi u tal-ħarba, ħaġa din li jallega li l-Avukat Ġenerali ilha tistrieħ fuqha sa mill-ewwel talba għall-ħelsien mill-arrest, b’mod allura li issa ma jistax jifhem għaliex għadu miżmum.

Fit-talba tiegħu Yorgen Fenech ilmenta b’mod partikolari mill-fatt illi biż-żamma tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’mod preventiv u bil-miżuri mposti fuqu ma jistax iħejji d-difiża tiegħu kif mistħoqq stante li ma għandux aċċess adegwat għall-meżżi biex ikun jista’ jara l-atti proċedurali voluminużi.

L-Avukat Generali qed tisħaq li Fenech jaf sew għaliex m’huwiex qed ikun konċess lilu l-ħelsien mill-arrest u dan kif ripetutament dikjarat mill-Qorti Istruttorja, mill-Qorti Kriminali, l-Prim’Awla tal-Qorti Civili u l-Qorti Kostituzzjonali u telenka sensiela ta’ raġunijiet għaliex għadhom jeżistu dawn il-biżgħat.

Issa, wara li semgħet lill-psikologa adetta mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hi tal-fehma li l-konklużjoni tagħha hi waħda ta’ opinjoni u għalhekk l-fatt illi ddikjarat li Yorgen Fenech huwa bniedem affidabbli bażat fuq intervisti li hi kellha miegħu ma jiswiex għall-fini tat-talba li qed issir minnu.

Il-Qorti eżaminat l-atti proċesswali fejn dawn jikkonċernaw il-biżgħa tal-ħarba tiegħu meta jirreferu għal-żmien fejn lanqas kien għad ġie mixli bl-allegati delitti mertu tal-Att ta’ Akkuża. 

Iċ-ċirkostanzi elenkati mill-Avukat Ġenerali f’kull okkażjoni fejn kien hemm talba għall-ħelsien mill-arrest juru disposizzjoni ta’ Yorgen Fenech li jallontana ruħu minn dawn il-Gżejjer b’mod li ma jħalli ebda traċċa tiegħu. 

Dawk iċ-ċirkostanzi kienu konvinċenti għall-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali b’mod li t-talbiet tiegħu kienu miċħuda f’kull okkażjoni. Meta dan hu konsidrat minn dak li jgħid l-artikolu 575 tal-Kodiċi Kriminali, iċ-ċirkostanzi li nisslu l-biża tal-ħarba kienu u baqgħu hemm u d-deposizzjoni tax-xhud msemmija mhumhiex tali li jistgħu jxejnu dawn il-biżgħat.

L-akkużi miġjuba kontra Fenech huma ta’ natura serja ħafna, għad hemm il-biżgħa reali tal-ħarba u tal-intralċ fil-provi u ma tistax taqbel li hemm bdil fic-ċirkostanzi u konsegentement ma tistax tilqa’ t-talba ta’ Fenech, qalet għal darba oħra l-Qorti. Għal dawn ir-raġunijiet qed tiċħad it-talba.

Tordna wkoll li kopja ta’ dan id-digriet tkun notifikata lil Yorgen Fenech u lill-Avukat Generali. Għal Fenech qed jidhru l-Avukati Charles Mercieca Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri.