Lokali

Pjazza San Ġorġ spiċċat abbandunata

“Għandna bżonn nieħdu ħsieb u naprezzaw dawk li ħallew ta qabilna.”

Dan sostnieh l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi wara li kritika l-fatt li Pjazza San Ġorġ tħalliet f’abbandun totali – pjazza li tilqa’ ammont kbir ta’ turisti kif ukoll Maltin matul is-sena kollha, u li kienet inbidlet fi spazju miftuħ grazzi għall-investiment qawwi li kien sar minn Gvern Nazzjonalista.

Fil-post tiegħu fuq Facebook, George Azzopardi saqsa meta se jsir ir-restawr tal-faċċata tal-main guard. Hawnhekk, huwa staqsa għaliex faċċata bħal din – antika u mimlija bi storja – ilha snin mgħottija bil-plastik.

Apparti minn hekk huwa irrimarka kif il-funtana li hemm fl-istess pjazza kienet tagħti l-ħajja u toħloq atmosfera mill-isbaħ iżda issa din saret qisha deżert. Dan hekk kif il-funtana ftit li xejn għadha tinxtegħel; funtana li kienet tatratta ħafna nies speċjalment meta jidlam, bil-mużika u l-kuluri li jbiddlu l-lewn tal-ilma.

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Labour stqarr illi anke attrazzjoni bażika bħaċ-‘changing of the guards’ waqfet issir. U sostna li l-pjazza spiċċat dejjem bil-karozzi pparkjati fuq il-pavimentar bi skuża li kulħadd għandu d-dritt jipparkja l-karozza hemm.

Huwa appella sabiex l-persuni responsabbli jieħdu azzjoni u b’mod immedjat ma jħallux dan l-abbandun fil-Belt.

Din mhix l-ewwel kritika li qed tasal lejn il-Gvern minn nies li huma fil-qalba tal-Partit Laburista – xi ħaġa li issa saret sintomatika, u li qed iddarras sew lil Robert Abela u lin-nies ta’ Kastilja.