Il-pagi, l-għoli tal-ħajja, iż-żieda allarmanti fil-popolazzjoni, it-traffiku, id-dewmien fil-proġetti tat-toroq, il-provvista tal-elettriku – dawn huma biss uħud mill-affarijiet li l-poplu Malti u Għawdxi jinsab inkwetat jew frustrat bihom, hekk kif ġie konfermat minn stħarriġ illi sar mill-MaltaSurvey.
Dan l-istħarriġ żvela kif 59.7% tal-Maltin mhumiex sodisfatti bil-pagi li jaqilgħu; b’73% jgħidu li l-pjaga tal-għoli tal-ħajja hija waħda inkwetanti ħafna. Dan hekk kif minn ġimgħa għal oħra qed ikomplu jogħlew il-prezzijiet ta’ diversi prodotti essenzjali.
Apparti minn hekk, it-traffiku f’pajjiżna qed joħloq rabja kbira hekk kif 86% tal-parteċipanti qalu li t-traffiku f’pajjiżna jinsab fi stat diżastruż filwaqt li 64.8% qalu li jinsabu ddiżappuntati bil-proċess fil-proġetti tat-toroq f’pajjiżna.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat Net News rrapporta dwar diversi proġetti li ilhom ikarkru għal xhur sħaħ fosthom il-proġett fil-pjazza tal-Mosta, il-pjazza tal-Kalkara, Triq il-Kbira fir-Rabat, Triq Manoel De Vilhena fil-Gżira u numru ta’ toroq oħrajn.
Interessanti l-fatt li dan l-istħarriġ saqsa dwar il-provvista tal-elettriku f’pajjiżna hekk kif ftit qabel dan is-survey il-poplu Malti u Għawdxi spiċċa mingħajr dawl għal kważi ġimagħtejn waqt mewġa tas-sħana. Bil-maġġoranza tal-parteċipanti – preċiżament 66.9% – jgħidu li l-provvista tal-elettriku f’pajjiżna hija waħda dgħajfa ħafna
Barra minn hekk, dan is-survey analizza l-vaganzi matul l-istaġun tas-Sajf hekk kif meta kienu mistoqsija jekk għadhomx vaganza ppjanata jew qed jaħsbu biex imorru vaganza 62.6% qalu iva filwaqt li 31.6% ikkonfermaw li mhux sejrin vaganza matul l-istaġun tas-sajf.
Barra minn hekk, ‘il fuq minn nofs tal-parteċipanti qalu li m’għandhom l-ebda intenzjoni li jmorru weekend break f’Malta stess filwaqt li 37.3% qalu li m’għandhom l-ebda intenzjoni li jmorru Għawdex matul l-istaġun tas-sajf.
48% tal-parteċipanti qalu li budget tagħhom għal vaganza kien ta’ massimu ta’ €1,000.
32.4% tal-parteċipanti qalu li dan l-ammont huwa simili għas-sena ta’ qabel filwaqt li 21.9% qalu li dan l-ammont kien anqas.
//= $special ?>