Lokali Qorti

L-Inkjesta Pubblika ta’ Sofia – L-eks Kap Eżekuttiv tal-BCA jisħaq li rriżenja minħabba l-Ministru

Tintemm is-seduta. Is-seduta li jmiss se tkun fil-25 ta’ Awwissu…u tkompli fit-18 ta’ Settembru.

Jesmond Muscat spjega li r-reklutaġġ għal spetturi ġodda beda f’Marzu ta’ din is-sena – u mistennija jiżdiedu 4 oħrajn. Il-pandel tal-inkjesta staqsa kif jista jkun li l-BCA tinforza

Huwa spjega li m’hemmx sistema ċentralizzata u li l-BCA ikunu nfurmati bil-bidu tax-xogħol u ħruġ ta’ permessi mill-periti tal-proġetti u mhux mill-Awtorità tal-Ippjanar.


Muscat iddeskriva s-settur tal-kostruzzjoni bħala wieħed moribond u ma jiflaħx – referenza għan-nuqqas assolut ta’ regolarizzazzjoni u nuqqas ta’ infurzar flagranti.


Jesmond Muscat ikkonferma li l-aħħar darba li l-bord tal-BCA ddiskuta t-traġedja kien waqt laqgħa fit-3 ta’ Awwissu…proprju minħabba din l-inkjesta pubblika.

Dan kien l-għada li fi briefing fil-magħluq mingħajr cameras il-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi u Jonathan Attard ippreżentaw it-terms of reference tal-inkjesta.


Minkejja li ġab xi forma ta’ dokumentazzjoni, ix-xhud naqas milli jippreżenta lill-inkjesta l-minuti tal-bord tal-BCA – b’Muscat ikun infurmat li se jkun qed jerġa jiġi mgħajjat darb’oħra.

Huwa insista li l-Awtorità qatt ma kienet responsabbli mill-binja ta’ Kordin – u rrepeta li l-BCA responsabbli biss mill-siti ta’ kostruzzjoni li jkunu qed jimpattaw proprjetajiet ġirien tagħhom.


Muscat jgħid li minn meta laħaq hu, ċioè Ġunju 2022, l-ispetturi żdiedu b’10.

Minn 21, 17 minnhom ikunu kuljum iduru minn proġett għall-ieħor.

Tajjeb ninnotaw li fi 3 snin kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità b’kollox irċevew 23,000 rapport.


Mistoqsi kif il-pubbliku jista jagħmel kuntatt mal-BCA wara l-ħinijiet tax-xogħol – Camilleri saħaq li l-linji tal-uffiċju huma miftuħin sad-disgħa ta’ filgħaxija.

Intant, għal darb’oħra mistoqsi fuq jekk hux qed iwettqu pressjoni fuq il-Gvern b’rabta maż-żieda fl-ispetturi, Camilleri insista li qed jitolbu budget akbar mis-sena l-oħra.

Dan filwaqt li ġie mistoqsi min se jkun qiegħed iħaddem aktar nies, b’Camilleri jfarfarha fuq is-CEO Jesmond Muscat…li kumbinazzjoni jmissu jixhed.


Intant l-inkjesta waqfet indirizz tal-posta elettronika, jew aħjar email address, jpsofia.board@publicinquiry.org.mt u li kwalunkwe kuntatt mal-inkjesta għandha tkun permezz ta’ dan l-email biss.

Kull min jixtieq jixhed fl-Inkjesta għandu jinforma u jesprimi l-interess tiegħu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu, 2023.

Ibgħat email lill-inkjesta – bl-isem u kunjom, indirizz, numru tal-karta tal-identità u l-evidenza li trid tippreżenta lill-Inkjesta.


Madanakollu Camilleri ammetta li jekk nippretendu li kull ħaddiem f’sit ta’ kostruzzjoni jkollu liċenzja minnufih – twaqqaf l-industrija. Għaldaqstant huwa saħaq li xi darba fil-futur se naslu għal dak l-istadju – iżda naqas milli jagħti timeline preċiż.

Huwa insista li eventwalment fi snin li ġejjin – anke jekk xi ħadd qed iqiegħed il-bricks għandu jkun kwalifikat.

Dan filwaqt li insista li l-liċenzji għandhom jiġġedu b’eżami – u mhux iġġib liċenzja għax tgħaddi minn eżami…u 20 sena wara tibqa’ applikabbli.


Camilleri jispjega li kull persuna li tkun fis-sit ta’ kostruzzjoni sal-aħħar tal-2024 se jkollha bżonn il-kwalifiċi neċessarji fejn fost oħrajn il-bennejja se jkollhom ipoġġu għal eżamijiet. Dan il-proċess se jkun qed isir taħt is-sorveljanza tal-ispetturi tal-BCA – li s’issa hemm 21 spettur.

Dan ifisser li skont ix-xhieda tal-Perit Maria Schembri Grima….minn Frar ‘l hawn – l-ammont ta’ spetturi ma żdiedx.


Mistoqsi mill-Imħallef Zammit McKeon kif qed jipprevenu aktar imwiet la darba s’issa għadhom mingħajr liċenzja…Camilleri rrepeta li l-BCA tidħol biss fi proġetti li għandhom ġirien u għaldaqstant żgur li ma setgħax ikollha x’taqsam mal-binja ta’ Kordin.

Il-Maġistrat staqsa jekk din is-sitwazzjoni hux qed iddejqu u għalfejn bħala Chairperson mhux qed jitlob direzzjoni politika sabiex proprju din is-sitwazzjoni tinbidel. Camilleri insista li l-BCA qed twettaq minn kollox biex jitħaffu l-affarijiet u jitwettaq il-proċess ta’ riforma mill-aktar fis.


Camilleri spjega li preżentament il-bord tal-BCA qed jirfina l-istandards tal-liċenzji tal-kuntratturi kif ukoll għaddejja konsultazzjoni mal-istakeholders b’rabta mal-liċenzji tal-bennejja.

Huwa saħaq li sal-aħħar tal-2024 kull kuntrattur għandu jkollu liċenzja u rekwiżiti partikolari oħrajn.

Spjega wkoll li bil-liġi l-ġdida, l-BCA se tkun mhux biss toħroġ multi iebsin iżda wkoll tieħu lura l-liċenzji u twaqqaf ix-xogħol inkwistjoni.

Madanakollu sal-aħħar 2024 il-kuntratturi se jibqgħu mingħajr liċenzja.


Ix-xhieda tal-Perit Maria Schembri Grima tieqaf hawn – imiss issa għaċ-Chairperson attwali tal-BCA Saviour Camilleri.


Mistoqsija jekk il-Kamra tal-Periti għandhomx is-setgħa li jinvestigaw waqt li jkun għaddej ix-xogħol Schembri Grima saħqet li iva, madanakollu mistoqsija jekk għandhomx biżżejjed riżorsi hija sostniet li ma tistax twieġeb.


Schembri Grima saħqet li l-commencement notice tal-proġett ta’ Kordin ħareġ qabel it-twaqqif tal-BCA u għalhekk ma tafx jekk l-Awtorità ratx in-notice jew le.


Comodini Cachia tistaqsi x’għandu jagħmel u lil min għandu jkellem whistleblower li jrid jirrapporta każ f’sit ta’ kostruzzjoni.

Schembri Grima ma tafx x’se taqbad twieġeb għaliex fil-verità jidher li l-BCA m’għandha l-ebda mezz biex tkun taf x’qed jiġri ħażin f’sit ta’ kostruzzjoni.

Schembri Grima sostniet li jekk il-problema hija fl-istruttura għandu jkellem lil Kamra tal-Periti…madanakollu jekk il-problema hija b’rabta mal-kostruzzjoni….ma tafx.


L-Avukat Parte Civile, Therese Comodini Cachia tisħaq li s’issa ħareġ fid-deher lil-OHSA hija responsabbli biss mis-sigurtà ta’ saħħet il-ħaddiema u li l-BCA tieħu ħsieb biss dawk il-proġetti li għandhom ġirien.

Dan ifisser li l-proprjetajiet l-oħrajn jieħdu ħsieb tagħhom infushom.


Mistoqsija mill-Imħallef Zammit McKeon jekk taħsibx li l-BCA għandha tiġi involuta u tiskrutinja proġetti anke jekk dawn ma jkollhomx ġirien, Schembri Grima saħqet li taqbel. Iżda insistiet li hemm bżonn li jkun hemm ċentralizzazzjoni ta’ notifiċi – li kull awtorità fis-settur tkun taf li nbeda proġett.


Għaldarb’oħra hija ġiet mistoqsija b’rabta mal-proġett ta’ Birkirkara, bi Schembri Grima tisħaq li hija kienet tkun preżenti fil-post b’mod frekwenti u insistiet li l-istruzzjonijiet tagħha dejjem kienu ċari mal-ħaddiema u kuntratturi involuti.

Hija saħqet ukoll li dakinhar li seħħ id-diżastru fi Triq Psaila ma kienx skedat li jsir xogħol.

Insistiet ukoll li rriżenjat mill-proġett.

Ġie spjegat mill-bord li wara r-riżenja tagħha, l-kuntrattur kien sempliċiment immultat €5,000.


Hija saħqet li x-xogħol ma jistax jibda jekk l-awtorità ma toħroġx commencement notice u preċiżat tgħid li huwa illegali li jibda x-xogħol mingħajr il-permess tal-awtorità.

Madanakollu la darba l-binja m’għandha ebda ġirien…il-BCA ma tidħolx fiha – u jekk l-istruttura ma tkunx adegwata…dak jaqa’ f’idejn awtoritajiet oħrajn.


Schembri Grima stqarret li ma tiftakarx kif u fejn saret taf bit-traġedja li ħatfet il-ħajja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Hija spjegat li Jesmond Muscat, li sa dak iż-żmien kien laħaq bħala CEO tal-BCA, mar fil-post u qalilha dwar dak li kien qed jiġri.

Mistoqsija x’għamlet differenti minn dakinhar ‘l hawn il-BCA, Schembri Grima sostniet li l-għan ewlieni tal-Awtorità hi li tiżgura li l-ġirien ikunu siguri u li l-binijiet ikunu sostenibbli.

Għaldaqstant la darba l-binja ma jkollhiex bini jmiss magħha…l-BCA ma tkunx involuta.


Schembri Grima tgħid li sa Frar 2023 il-BCA kellha 21 spettur.


L-Imħallef Zammit McKeon staqsa x’għamlet biex saħħet l-BCA fid-dawl li l-pajjiż għandu kultura tal-biża’ bin-nuqqas ta’ infurzar.

Madanakollu Schembri Grima naqset milli twieġeb għajr risposta deskritta minn Zammit McKeon innifsu bħala skritt lest minn qabel li jitkellem fuq kodiċi li għadhom mhux rinfurzati jew applikabbli.


Fix-xhieda tagħha l-perit saħqet li matul l-aħħar board meeting li attendiet għalieh bħala Chairperson, hija talbet lil Muscat biex jagħlaq u jitħaffef ix-xogħol b’rabta mal-kodiċi nazzjonali tal-kostruzzjoni.


Schembri Grima saħqet li l-board tal-BCA kien irċieva ittra ta’ riżenja mingħand Azzopardi fejn qal li “he wanted to move on” madanakollu ma kinitx taf b’dak li seħħ bejnu u bejn il-Ministru.

Uffiċjalment il-Gvern ma kienx saħaq li Azzopardi kien tkeċċa jew irriżenja iżda li t-terminu tiegħu kien wasal fi tmiemu. Is-suċċessur tiegħu kien Jesmond Muscat, eks Deputy Chief Officer ta’ Transport Malta.


Schembri Grima saħqet li ma kinitx konxja tad-diskussjoni u n-nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn Karl Azzopardi u l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u sostniet li saret taf dwar dan mill-media.

Hija sostniet ukoll li ma kinitx involuta fl-għażla tas-suċċessur ta’ Azzopardi għaliex din hija għażla esklussiva tal-Ministru.


Maria Schembri Grima sostniet li rreżenjat kawża ta’ spin medjatiku u li kawża t’hekk il-BCA kienet qed issofri minħabba żbalji li ma kienux tagħha.

Tajjeb li jiġi ppreċiżat li kellha tirriżenja wara li nġibdu filmati juru d-demolizzjoni ta’ binja f’Birkikara…b’ġebel kbir jaqa’ fit-triq mnejn kienu għaddejjin in-nies. Hi kienet il-perit tal-proġett.


Inevitabbilment l-ewwel domanda tal-Imħallef Zammit McKeon lil Schembri Galea kienet jekk qatt għaddielha minn moħħha kienetx qed tara kunflitt ta’ interess bejn il-pożizzjoni li kienet qed isservi fi ħdan l-BCA u l-professjoni tagħha…bil-perit tisħaq li le.

Hija sostniet li qabel ma ġiet maħtura bħala Chairperson mal-Awtorità diġà kienet qed topera l-professjoni taħgha b’mod integru. Hija saħqet li mill-bidu nett għamlitha ċara li ma kinitx ħa twaqqaf il-professjoni privata tagħha.

Dan filwaqt li insistiet li riedet tkun parti minn dan il-proċess għaliex is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta mhux irregolat.


Tibda x-xhieda tal-perit Maria Schembri Grima – l-ewwel chairman tal-BCA – li kellha tirriżenja mill-pożizzjoni tagħha wara li kienet il-perit ta’ sit ta’ kostruzzjoni li qajjem għagħa kbir wara li naqas mir-regolamenti tal-BCA stess.


Intant huwa saħaq li ma kien hemm ebda bażi biex il-BCA tkun infurmata b’rabta max-xogħol li kien qed isir f’Kordin. Huwa sostna li din hija tagħlima għal ġejjieni.


Azzopardi kkonferma li x-xogħol sar fuq tliet kodiċi separati tal-kostruzzjoni – u ilu għal żmien twil. Madanakollu saħaq li l-ebda wieħed minnhom ma ġew implimentati s’issa.

Li kieku l-inkjesta pubblika ma infetħitx, bħal ma ried Robert Abela – din l-aħbar ma kinitx tkun fid-dominju pubbliku.


Il-membru tal-bord tal-inkjesta Charles Deguara staqsa lil Azzopardi dwar in-numru ta’ spezzjonijiet u każi l-Qorti matul it-tmexxija tiegħu bħala CEO, bix-xhud jisħaq li ma jiftakarx il-figuri eżatti.

Hawnhekk huwa reġa’ ġie mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ qbil li kellu mal-Ministru, fost oħrajn jekk kinux minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi.

Karl Azzopardi saħaq li l-Ministru ma kienx qed jaqbel kif kien qiegħed imexxi. Hawnhekk Azzopardi insista li beda jitlef il-paċenzja, għaliex huwa ried jimplimenta l-ideat li kellu…3 xhur wara l-elezzjoni. Mhux joqgħod jagħmilha tal-ħelu wara l-bank tal-uffiċju.


Mistoqsi dwar it-traġedja li seħħet f’Kordin, Azzopardi saħaq li sar jaf bil-każ minn fuq il-media.


Imiss lill-perit Mario Cassar sabiex jistaqsi. Huwa staqsa lil Azzopardi kif il-BCA pretendiet li tissorvelja eluf ta’ siti ta’ kostruzzjoni bi 11-il ispettur biss…bl-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità jisħaq li l-pjan kien li dan l-ammont jiżdied…b’taħriġ adegwat.

Iżda preċiża jgħid li t-taħriġ dejjem kienet problema.


Lura f’Novembru tal-2022, rapport fuq il-media lokali indikaw li Karl Azzopardi ried jimxi bl-id tal-ħadid ma min jiżbalja sabiex jirregola l-industrija…partikolarment fil-konfront ta’ dawk il-“cowboys” tal-industrija…filwaqt li l-Ministru mhux talli allegatament ma riedx jagħmel dan…talli ried jakkomoda b’kull mezz il-persunaġġi ewlenin fl-industrija.


L-Imħallef Joseph Zammit McKeon staqsa lil Azzopardi x’wassal biex hu jirriżenja, bix-xhud jisħaq li l-fatt li l-BCA falliet li tirrekluta l-ammont ta’ ħaddiema mixtieqa u l-bidla tal-Ministru waslu għal nuqqas ta’ qbil. Huwa saħaq li l-Ministru l-ġdid, ċioè Stefan Zrinzo Azzopardi, ma kienx qed jaqbel miegħu u kif kien qed imexxi l-Awtorità.

Azzopardi saħaq li l-Ministru tah x’jifhem li ma kienx se jħallieh jaħdem kif xtaq – huwa xtaq li jkellem u javviċina ma’ aktar nies u jwettaq aktar konsultazzjoni pubblika.

Huwa stqarr li preżentament il-każ jinsab quddiem it-tribunal industrijali.


Azzopardi insista li qabel ma laħqet bħala Chairperson, lil Maria Schembri Grima ma kienx jafha u wisq inqas kellu idea ta’ x’tip ta’ xogħol kienet taħdem.

Karl Azzopardi sostna li huwa qatt ma ra kunflitt ta’ interess bejn l-irwol taċ-Chairperson tal-BCA, Maria Schembri Grima…u l-professjoni privata tagħha ta’ perit.

Tajjeb wieħed jiftakar li Schembri Grima kellha tirriżenja wara li filmati miġbuda wrew il-periklu li kien qed ipoġġi fih xogħol ta’ demolizzjoni ta’ bini fi Triq Psaila, f’Birkirkara, lura fi Frar tal-2023.

Il-perit tal-proġett kienet proprju Maria Schembri Grima – bil-BCA stess saħansitra twaqqaf il-proġett.


Azzopardi ġie mistoqsi x’budget kellhom biex jaħdmu, bix-xhud jispjega li l-BCA talbet €18-il miljun….iżda ngħatalhom biss €9 miljuni.

Huwa saħaq li inizjalment il-ħsieb kien li din l-Awtorità taħdem b’mhux inqas minn 300 ħaddiem, inkluż staff amministrattiv u legali. Madanakollu sakemm telaq mill-BCA, jiġifieri sa Ġunju 2022….kellhom biss 70 ħaddiem inkluż bejn 9 u 11-il spettur.


L-Imħallef Zammit McKeon staqsa lil Azzopardi jekk bħala BCA saritx rakkomandazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex iżommu l-kontroll tal-permessi sabiex ikollhom aktar ħin u attenzjoni fuq dak li kien qed jiġri fis-settur – ċioè ma jibqgħux joħorġu permessi bl-addoċċ.

Hawnhekk Karl Azzopardi żgura li l-bord kellu diversi laqgħat ma’ entitajiet oħrajn, inkluż mal-Awtorità tal-Ippjanar…u stqarr li iva, xi kultant lill-PA qalulhom biex jikkalmaw daqsxejn.

Azzopardi insista li l-intenzjoni kienet sabiex l-istandards tal-industrija jitjiebu.


Jibda jixhed l-ewwel xhud, Karl Azzopardi – l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni. Huwa kien parti mill-grupp li wettaq it-tranżizzjoni mill-Aġenzija għall-Bini u Kostruzzjoni…għall-Awtorità li hemm illum – aġenżija li tfasslet fl-2019…u nbidlet sentejn wara.

Azzopardi saħaq li lura fl-2019 l-entità kienet biss aġenzija, ċioè ma kinitx taħdem bħala awtorità jew regolatur. Huwa insista li bejn April 2021 u Mejju 2022 serva bħala CEO tal-BCA u insista li saru diversi konsulti mal-istakeholders f’din l-industrija sabiex ikun hemm stampa ċara ta’ x’kien qed jiġri.


Dalgħodu fil-Qorti mistennija tkompli l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

L-inċident traġiku meta tilef ħajtu Jean Paul, kien seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru li għadda, fejn fi ftit minuti iġġarrfet binja waqt xogħol ta’ kostruzzjoni…b’konsegwenza li ħalliet liż-żagħżugħ ta’ 20 sena mirdum qalb it-terapien, filwaqt illi 5 persuni oħra spiċċaw midruba serjament.

Għal xhur sħaħ, il-Gvern baqa’ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwarha. Tant li saħansitra ivvota kontra l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista.

Dawn huma is-seba’ aspetti li qed tinvestiga l-Inkjesta:

  1. Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
  2. Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
  3. Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
  4. Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
  5. Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
  6. Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
  7. Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.